Von der Heyden Group b’kirja ewlenija fil-Bavaria Towers,binja ġdida ta’ importanza fi Munich

    Il-Grupp Von der Heyden, żviluppaturi ta’ propjetà immobbli, investiment u grupp ta' lukandi bbażat fil-Belt Valletta, ħabbar li kien iffirmat ftehim ewlieni għall-kirja ta’ wieħed mill-akbar proġetti ta' propjetà immobbli tiegħu, bl-isem ta’ Bavaria Towers. Dan hu kkunsidrat bħala wieħed mill-aktar żviluppi immobiljari importanti fi Munich f’dawn l-aħħar għaxar snin u se jkun lest sal-aħħar tal-2018. 

    Bayern Projekt GmbH, li ilha aktar minn 20 sena involuta fl-investiment u l-iżvilupp ta' proprjetà tal-aqwa kwalita’, issa kkonkludiet ftehim mal-kumpanija eGym, għall-kirja ta’ uffiċini fuq perjodu ta’ 10 snin, liema kirja  tkopri medda ta’ 6,000 metru kwadru ta’ spazju għall-uffiċċji. Bayern Projekt qed twettaq il-proġett wara aktar minn 12-il sena ta' tħejjijiet flimkien mal-investituri Von der Heyden Group u Zurich Insurance Group Germany. Ix-xogħol tal-bini beda sentejn u nofs ilu. 

    Wara li jitlesta l-proġett tal-Bavaria Towers, li jikkonsisti f’erba’ torrijiet, il-kumpanija eGym li għandha teknoloġija avvanzata fin-negozju tal-fitness u s-saħħa, se tirriloka l-ufficji ewlenin tagħha fl-erba' sulari ta’ Blue Tower, li jappartjeni lill-investitur Von der Heyden Group, li għandu l-uffiċju ewleni hawn Malta. Permezz tad-diġitalizzazzjoni ta' faċilitajiet ta' taħriġ, eGym tikkontribwixxi għall-aqwa funzjoni ta' kwalunkwe tip ta’ gym.

    Sven von der Heyden, iċ-Chairman tal-Grupp Von der Heyden qal: "Hu ta’ sodisfazzjon għalina li qed nilqgħu lil eGym ġo Bavaria Towers. Wara l-kirja li saret b'suċċess aktar qabel ta’ White Tower lil H-Hotels, issa qegħdin nibdew nieħdu l-frott wara perjodu twil ta' 12-il sena ta’ tħejjija."

    Fl-2006, il-VDHG iddeċieda li jinvesti fil-proġett ta’ Bavaria Towers. Mindu twaqqaf minn Sven von der Heyden fl-1989, il-Grupp diġa’ għamel b' iktar minn €375 miljun ta’ investimenti fil-Polonja, il-Ġermanja, Malta u Spanja.  VDHG bħalissa għandu  rappreżentazzjonijiet f'Malta, Varsavja, Poznan, Lublin, Berlin, Munich, Madrid, Menorca, Amsterdam u fil-Lussemburgu.