X’jinkwetana mid-diskors tal-President !

    Fl-ewwel jiem ta’ Gvern Laburista qamet diskussjoni sħiħa dwar id-diskors li nqara mill-President tar-Repubblika fil-ftuħ tal-leġislatura.

    Sfortunatament, intlifna niddiskutu jekk din l-użanza, fejn il-President tar-Repubblika - bħar-Reġina tal-Ingilterra - jaqra l-programm tal-gvern għandiex titkompla jew le. M’għandna xejn kontra diskussjoni bħal din, iżda rridu nagħmluha ċara li hemm affarijiet li jħassbuna ferm iktar minn hekk.

    Nagħtu eżempju. Jekk inħarsu lura lejn id-diskors tal-President fl-2008, dakinhar Eddie Fenech Adami, hemm ħafna iktar affarijiet li jħassbuna. U le, dawn m’huwiex l-użu ta’ frażijiet li ntużaw fil-Kampanja Elettorali tal-ġimgħat ta’ qabel.

    Iħassibna l-iktar dak il-kontenut li jkun intqal u ma’ jirriżultax.

    Jekk inħarsu lejn waħda mill-iktar partijiet importanti tad-diskors tal-2008, bit-titlu ta’ ‘Good Governance’ naraw li minn dak li twiegħed ma seħħ kważi xejn.

    Ngħidu aħna, fix-xejn spiċċat il-wegħda ta’ investigatur speċjali fi ħdan il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni. Bħalma spiċċat fix-xejn il-wegħda tal-‘whistleblower act’ u l-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Ma rajna wkoll ebda miżuri dwar it-tisħiħ tar-regoli b’rabta mal-kunflitt ta’ interess li jista’ jkollu membru parlamentari. Minflok rajna żieda ta’ €500 għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari.

    Ma’ dawn nistgħu nżidu setturi oħra.

    Iżda, nemmnu li dawn huma biżżejjed biex insostnu l-punt tagħna li l-iktar li rridu niffokaw hu fuq il-fatt li dak li jissemma jitwettaq. Għax ngħiduha kif inhi. Min ma jaqbilx li għandna bżonn enerġija irħas u iktar nadifa? Min ma jaqbilx li għandna nsaħħu l-istituzzjoni ta’ pajjiżna u min ma jaqbilx li għadna bżonn sistema edukattiva iktar inklussiva? U fuq kollox min ma jaqbilx li Malta għandha tkun tagħna lkoll u mhux ta’ xi klikka?

    Id-diskors tal-President aħna wkoll se nżommuh quddiemna. Mhux tant biex noqogħdu niddiskutu għandux jibqa' jsir jew le. Iżda, biex naraw li dak imwiegħed jitwettaq. Għaliex aħna dak li jdejjaqna f’diskors tal-President. Meta dak li jintqal ma jitwettaqx. Kif ġara f’ħafna oqsma tul l-aħħar ħames snin!!