Raġel ferut u ieħor arrestat wara sparatura

    Raġel ta’ 31 sena, residenti f’Ħal Għargħur, allegatament spara xi tiri fid-direzzjoni ta’ raġel ta’ 58 sena, residenti l-Mosta.

    Dan l-inċident seħħ it-Tlieta għall-ħabta tad-9.30a.m. ġewwa razzett fi Triq San Ġorġ, Ħal Għargħur.

    Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li kienet seħħet sparatura wara li għal xi raġuni qam argument bejn żewġt irġiel.

    Jidher li l-vittma ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ħfief u kellu jittieħed l-isptar għall-kura. 

    Is-suspettat telaq minn fuq il-post iżda ġie arrestat mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit ftit tal-ħin wara.  Huwa għadu qiegħed jinżamm għall-aktar stħarriġ. 

    Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr G Vella LL.D, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

    L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.