Il-Bank Ċentrali b’muniti speċjali biex ifakkar il-50 sena mit-twaqqif tiegħu

    Il-Bank Ċentrali ta’ Malta qed jiċċelebra l-ħamsin anniversarju tiegħu, fis-17 ta’ April 2018

    Sabiex ikun imfakkar dan l-avveniment hekk importanti, il-Bank Ċentrali ta’ Malta ser joħroġ muniti numiżmatiċi tad-deheb u l-fidda. 

    Il-muniti tad-deheb għandhom valur nominali ta’ €100, filwaqt li l-muniti tal-fidda għandhom valur nominali ta’ €10. Dawn il-muniti huma valuta legali f’Malta biss. Il-munita tal-€10, li listampar tagħha hu limitat għal 2,500 munita, hi maħduma f’0.925 fidda. Il-munita tiżen 28.28 grammi u għandha dijametru ta’ 38.61 millimetru. Il-munita tal-€100 hi maħduma f’0.999 deheb, tiżen 15-il gramma u għandha dijametru ta’ 26 millimetru. Listampar hu limitat għal 50 munita biss. 

    Il-muniti huma maħduma fil-verżjoni proof. Dawn ġew iddisinjati u mnaqqxa minn Noel Galea Bason, u maħduma fir-Royal Dutch Mint. Fuq in-naħa ta’ wara tal-munita hemm rappreżentazzjoni tal-faċċata ta’ Binja Laparelli, il-binja l-ġdida tal-Bank li tinsab f’St James’s Counterguard ġewwa l-Belt Valletta. Il-muniti juru wkoll l-emblema tal-ħamsin anniversarju ddisinjata minn Michael Grech u Daniel Galea mill-Istitut tal-Arti u d-Disinn fl-MCAST. Partijiet mill-munita tal-fidda ġew miksija bid-deheb. Din hi l-ewwel darba li teknika bħal din ġiet użata fuq muniti numiżmatiċi Maltin.

    In-naħa ta’ quddiem tal-muniti turi l-istemma araldika ta’ Malta flimkien mad-denominazzjoni tal-muniti. 

    It-twaqqif ta’ bank ċentrali għal Malta kien wieħed mir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-grupp ta’ esperti tan-Nazzjonijiet Uniti f’Jannar 1964. Ftit tax-xhur wara, fil-21 ta’ Settembru 1964, Malta kisbet l-Indipendenza mill-Gran Brittanja. Fl-1967, abbozz ta’ leġiżlazzjoni għat-twaqqif tal-Att dwar il-Bank Ċentrali ta’ Malta tmexxa mill-Parlament u għadda f’Novembru tal-istess sena. Il-Bank Ċentrali ta’ Malta ġie stabbilit formalment fis-17 ta’ April 1968 bid-dħul fis-seħħ tal-Att dwar il-Bank Ċentrali ta’ Malta.

    Il-muniti tal-fidda li ser jinħarġu fis-17 ta’ April jistgħu jinxtraw direttament mill-e-shop tal-Malta Coin Centre (MCC) fuq is-sit elettroniku www.maltacoincentre.com jew millbini prinċipali tal-Bank. Il-munita tal-fidda ser tinbiegħ għall-prezz ta’ €60. Il-muniti tad-deheb ġew allokati permezz ta’ tlugħ bil-polza minn nutar pubbliku kif imħabbar fuq is-sit elettroniku u l-media soċjali tal-MCC matul Frar 2018.

    Għal aktar tagħrif, il-pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill-MCC billi jibgħat email fuq mcc@centralbankmalta.org jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.