Missier u iben fil-Qorti dwar kaċċa illegali

    Raġel ta' 47 sena u ibnu ta' 20 sena, it-tnejn minn Ħal Għaxaq u dilettanti tal-kaċċa, spiċċaw fil-Qorti bil-missier jiċħad l-akkużi kontrih imma l-iben jammettihom.

    Keith Joseph Mallia u ibnu Mario kienu arrestati mill-Pulizija mit-Taqsima tal-ALE fl-inħawi tal-Kappella ta' Santu Kristu f'Ħal Għaxaq stess.

    L-Ispettur Colin Sheldon spjega lill-Maġistrat Doreen Clarke kif il-Ħadd filgħodu lemaħ lil Keith Joseph Mallia ma' ibnu u ma' missieru jikkaċċjaw.

    Meta l-pulizja reġgħu għamlu ronda għall-ħabta tas-6.30 p.m. lemħu lill-missier u l-iben allegatament għall-kaċċa meta dakinhar din tieqaf f'nofsinhar.

    Skont l-istess spettur huwa sema lill-missier jgħajjat lil ibnu biex jaħrab imma dan ukoll inqabad.

    Waqt li Mario Mallia ammetta li kien għall-kaċċa barra l-ħinijiet permessi u kien immultat €1,500 li jrid iħallashom f'sitt xhur, missieru wieġeb mhux ħati u kien meħlus mill-arrest taħt depożitu ta' €200 u garanzija personali ta' €2,000.

    L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru għaż-żewġ kaċċaturi Għaxqin.