L-għalliema fi skejjel tal-Knisja għadhom ma ħadux iż-żidiet… il-Ministru jgħid li l-Gvern jibgħat il-flus dovuti

    Minn mistoqsija Parlamentari li saret mid-Deputata Nazzjonalista Therese Comodini Cachia irriżulta li l-għalliema fl-iskejjel tal-Knisja għadhom ma ħadux iż-żidiet li ntlaħaq ftehim dwarhom fil-ftehim kollettiv li ġie negozjat mal-Union tal-Għalliema (MUT).

    Il-Ministru Evarist Bartolo wieġeb li “l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u s-Segretarjat għall-Iskejjel tal-Knisja qablu li s-salarji ta’ Mejju ser jirriflettu ż-żidiet u sa Ġunju l-arretrati kollha jkunu mħallsa. Qal li l-proċess li bih jitħallsu l-gradi tal-edukaturi impjegati mal-Iskejjel tal-Knisja, huwa differenti minn dak tal-gradi tal-edukaturi impjegati fl-Iskejjel tal-Istat. Filwaqt li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol joħroġ direttament is-salarji għall-gradi tal-edukaturi impjegati fl-Iskejjel tal-Istat, fil-każ tal-gradi tal-edukaturi impjegati mal-Iskejjel tal-Knisja, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jibgħat il-fondi meħtieġa biex ikopri dawn is-salarji lis-Segretarjat għall-Iskejjel tal-Knisja li mbagħad joħroġ is-salarji tal-edukaturi li jinsabu fl-Iskejjel tal-Knisja.