Jgħaddi mit-tielet qari l-att li jirregola l-produzzjoni tal-Kannabis għal użu mediku

    Fil-Parlament għadda mit-tielet qari l-abbozz ta’ liġi li jirregola l-produzzjoni tal-kannabis għal użu mediku. Mindu tħabbar li Malta kienet se tidħol f’dan il-qasam u b’hekk tinħoloq niċċa industrijali ġdida, għadd ta’ kumpaniji internazzjonali esprimew l-interess tagħhom li jinvestu f’pajjiżna.  L-Oppożizzojni qalet li se tivvota kontra għax emenda tal-Oppożizzjoni ma ġietx aċċettata u għax inħarġu letters of intent lil kumpaniji interessati u dawn suppost inħarġu meta l-liġi tgħaddi mill-Parlament. 

    L-għanijiet u r-raġunijiet ta' dan l-att huma biex jippermettu l- produzzjoni industrijali lokali ta' prodotti tal-kannabis għal-użu mediċinali f’ambitu ikkontrollat u taħt superviżjoni. 

    F’dan l-att Kannabis tfisser kannabis friska jew niexfa, żejt tal-kannabis,  pjanta jew żerriegħa tal-kannabis, derivattivi tal-kannabis jew kull sustanza jew prodott imniżżel fil-linji gwida  maħruġa mill-awtorità regolatorja sabiex jintuża biss fil- manifattura tal-prodotti għall-użu mediċinali.

    L-att jgħid li l-ebda kultivazzjoni, importazzjoni jew proċessar ta' kannabis u ebda produzzjoni ta’ kwalsiasi prodott derivanti jew riżultanti mill-użu tal-kannabis  ma tista sseħħ f'Malta mingħajr il-pussess ta' kull approvazzjoni, awtorizzazzjoni, liċenza u, jew permess neċessarji skont il-liġijiet applikabbli, inkluż dan l-Att u kwalukwe regolamenti magħmula taħtu.