Qabża kbira fil-proporzjon ta’ nisa fl-ogħla karigi fis-Servizz Pubbliku mill-2013 ’l hawn

    Skont il-Women Leaders Index 2016-17, filwaqt li l-medja tal-proporzjon ta’ nisa fl-ogħla karigi tas-Servizz Pubbliku fl-Unjoni Ewropea fl-2016 kienet ta’ 40%, f’Malta l-proporzjon kien ta’ 38.1%, jiġifieri differenza ta’ inqas minn żewġ punti perċentwali. F’pajjiżna dan il-proporzjon żdied b’mod sostanzjali mill-2013 ’l hawn: minn 31% fl-2013 għal 31.7% fl-2014, għal 35.8% fl-2015 imbagħad għal 38.1% fl-2016. 

    Bla dubju, wieħed mill-iktar fatturi li qed jinkoraġġixxu lill-uffiċjali pubbliċi nisa biex ikomplu javvanzaw fil-karriera tagħhom u jilħqu l-ogħla skali tas-Servizz Pubbliku hu l-miżuri għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja. Dawn il-miżuri jistgħu jibbenefikaw minnhom kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel iżda l-istatistika turi li l-aktar li jagħmlu użu minnhom huma n-nisa.

    Fl-2012 kien hemm 77 mara li jokkupaw pożizzjoni fil-kategorija meqjusa bħala top management fis-Servizz Pubbliku li bbenefikaw minn dawn il-miżuri li jinkludu leave tal-maternità, xogħol b’ħinijiet imnaqqsa, teleworking u flexi-time.

    Ħames snin biss wara, dan in-numru kważi ttripla. Fl-2017 kien hemm 211-il uffiċjal pubbliku mara fil-kategorija msemmija li bbenefikaw minn dawn il-miżuri. Dan juri li s-Servizz Pubbliku, li dejjem jaspira li jkun employer mudell, qed joffri ambjent fejn in-nisa jingħataw spazju u appoġġ biex ikunu jistgħu jimxu ’l quddiem fil-karrieri rispettivi tagħhom. 

    Meta wieħed ikejjel fuq firxa usa’ ta’ gradi, jiġifieri fl-iskali kollha inklużi dawk imsemmija hawn fuq, isib li fl-2012 kien hemm 3,679 mara li bbenefikaw mill-miżuri favur il-familja, filwaqt li fl-2017 ibbenefikaw 4,838. Dan ifisser żieda ta’ 1,159 jew 31%.

    Miżuri oħrajn li jikkumplimentaw lil dawk għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja huma dawk meqjusa bħala leave speċjali, li wkoll huma ta’ inkoraġġiment għall-mara biex tagħmel progress fil-karriera tagħha fis-Servizz Pubbliku u tkun megħjuna tilħaq bilanċ sodisfaċenti bejn ix-xogħol u l-familja. 

    Fattur ieħor importanti fl-avvanz fil-karriera għall-uffiċjali pubbliċi, inklużi n-nisa, hu t-taħriġ offrut mill-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi. Fis-sena u nofs li ilu mwaqqaf dan l-istitut, tħarrġu fih 7354 mara, jew 57% tat-total ta’ uffiċjali pubbliċi li ngħataw taħriġ fl-Istitut. Minn dawn, kien hemm 544 mara li segwew il-kors tal-Public Management Toolkit, li hu kors iddedikat għal dawk li jaspiraw li jkunu, jew li diġà qed jokkupaw kariga għolja fis-Servizz Pubbliku. 

    Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-qabża kbira l quddiem li seħħet mill-2013 ’l hawn fil-proporzjon ta’ nisa fl-ogħla karigi fis-Servizz Pubbliku. Hu qal li din il-qabża tixhed il-fatt li s-Servizz Pubbliku ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn is-sessi. Tixhed ukoll il-ħidma kontinwa tal-amministrazzjoni preżenti favur opportunitajiet indaqs għal kulħadd.

    Is-Sur Cutajar semma kif fatturi bħas-servizz ta’ childcare b’xejn u bħall-career paths li nħolqu fis-Servizz Pubbliku, flimkien mal-44 ftehim li ġew konklużi fis-Servizz Pubbliku mill-2013 ’l hawn, m’hemmx dubju li għenu biex in-nisa jkollhom sehem importanti fit-tmexxija tas-Servizz Pubbliku.