Ħaddiem ikisser madum li waħħal hu stess wara li s-sid ittardja b'sagħtejn biex iħallsu

    Raġel li xogħlu jwaħħal il-madum spiċċa kisser ix-xogħol li huwa stess kien għamel f'appartament f'Tas-Sliema talli ma rċeviex l-aħħar ħlas dovut lilu.

    Abraham Kwabena Donyinah, raġel ta' 39 sena mill-Ghana li jgħix Wied il-Għajn, tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati fejn ammetta li kkaġuna bi €3,020 fi ħsara fil-proprjeta.

    Donyinah kien diġa tħallas tal-kumplament tax-xogħol li kien għamel imma skont is-sid tal-propjetà huwa ntilef f'rabja u beda jkisser il-madum li waħħal hu stess hekk kif is-sid ittardja b'sagħtejn biex iħallsu l-kumplament, ħlas dovut ta' €200.

    Il-Maġistrat Doreen Clarke mhux biss ordnatlu biex iħallas lis-sid tal-ħsara fi żmien sitt xhur imma ikkundannatu wkoll 18-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn.

    Il-prosekuzzjoni f'dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Ransley mentri l-Avukat Fransina Abela dehret għar-raġel mill-Ghana.