Ebda ċaħda jew konferma dwar maħfra presidenzjali… illum Daphne Caruana Galizia tagħlaq sitt xhur mindu nqatlet

    Kelliem għall-Gvern la kkonferma u lanqas ċaħad jekk qatt ġietx diskussa l-possibilita li tingħata maħfra presidenzjali lit-tliet persuni akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia biex jekk jafu min kien il-moħħ wara dan il-qtil jitkellmu.

    Caruana Galizia nqatlet bħal-lum sitt xhur ilu permezz ta' bomba li tpoġġiet mal-karozza li kienet qed issuq fil-Bidnija. Hija kienet għadha kemm ħalliet darha meta ġiet attivita l-bomba.

    Dwar dan il-każ hemm akkużati tlitt irġiel: George Degiorgio ta' 54 sena magħruf bħala “iċ-Ċiniż”, ħuh Alfred ta' 52 sena magħruf bħala “il-Fulu” u Vince Muscat ta' 55 sena magħruf bħala “il-Koħħu”.

    Il-kwistjoni tal-maħfra presidenzjali kienet tqajjmet ukoll ftit ilu mid-deputat Marlene Farrugia li f'mistoqsija parlamentari indirizzata lill-Prim Ministru talbitu jgħid jekk offriex jew hux jikkunsidra li jagħtiha.

    Muscat weġibha li din hija spekulazzjoni bla bażi għalkemm insista li l-Gvern kien determinat li tkun magħrufa l-verita kollha dwar dan il-każ.

    Qabel ma ġew arrestati 10 irġiel li minnhom fil-Qorti tressqu t-tlieta msemmijin, il-Gvern kien offra rigal ta' €1 miljun għal kull min seta jagħti informazzjoni li twassal biex jissolva l-każ. Ħadd ma ħa dan il-premju.

    Il-qtil ta' Caruana Galizia wassal għal diversi protesti u sejħiet għal riżenji u kontroversji saħansitra dwar il-fjuri u r-ritratti tal-ġurnalista li qed jitpoġġew u jitneħħew minn mal-Monument tal-Assedju l-Kbir faċċata tal-Qorti.

    Illum l-Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi quddiesa fil-knisja ta' San Franġisk fil-Belt li tibda fis-6.00 p.m. u wara se jkun hemm vġili ħdejn il-Monument tal-Assedju l-Kbir.

    Minbarra fil-Belt se jsiru vġili wkoll f'ħames bliet b'erba' Ewropej u waħda fl-Istati Uniti: Washington, Brussel, Londra, Edinburgh u Amsterdam.