Rebħa ta' WBA tagħti t-titlu tal-Premier League lil Manchester City

    Manchester City rebħu t-titlu tal-Premier League hekk kif West Brom wettqu sorpriża meta għelbu lil Manchester United 1-0,  f'Old Trafford.

    Il-United jinsabu 16-il punt taħt it-team ta' Pep Guardiola meta fadal ħames logħbiet  u b'hekk Mancheser City ġew dikjarati champions.

    Dan hu t-tielet titlu tal-Premier League mirbuħ minn Manchester City f'dawn l-aħħar seba' staġuni u l-ewwel kampjonat mirbuħ taħt il-gwida tal-coach Spanjol, Pep Guardiola, li jinsab fit-tieni staġun mal-club.  Manchester City iddominaw dan l-istaġun fejn skorjaw 93 goal u tilfu darbtejn biss. 

    Pep Guardiola ta' 47 sena rebaħ ukoll il-kampjonati fi Spanja u l-Ġermanja kif wkoll żewġ Champions League ma' Barcelona.

    Mindu x-Sheikh Mansour bin Zayed Al Nahyan sar is-sid tal-club fl-2008, City rebħu seba' trofej, FA Cup, żewġ League Cups u FA Community Shield minbarra t-tliet kampjonati.

    City waqqfu rekord ta' 18-il rebħa konsekuttiva fil-Premier League, iżda ġew miżmuma minn Liverpool fit-telfa ta' 4-3 f'Anfield f'Jannar li għadda.