Xadin jinstab f'gallarija ta' lukanda f'Malta wara jiem mitluf

    Wara jiem mitluf ix-xadin bl-isem ta’ Franco instab u qajjem tbissima fuq wiċċ ħafna persuni li rawh fuq is-siti soċjali.

    Ix-xadin tar-razza vervet monkey instab aktar kmieni f’waħda mill-gallariji tal-lukanda Corinthia fil-bajja ta’ San Gorg u hekk kif konfermat ma’ wieħed mill-kelliema tat-tmexxija tal-lukanda jidher li Franco deher sodisfatt miż-żjara tiegħu ta’ bla ħsieb.

    L-istess kelliem qalilna li filwaqt li huma offrewlu x’jiekol, bil-għajnuna tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali rnexxielhom jikkuntatjaw lis-sid sakemm Franco seta’ jerġa’ jingħaqad mal-familja tiegħu.

    Meta kkuntatjata minn dan is-sit, sidt ix-xadin kellha kliem ta’ tifħir fil-konfront ta’ dawk kollha involuti f’din il-ħidma biex Franco seta’ jerġa’ jingħaqad magħhom qawwi u sħiħ.