Jorginho: "Irridu nibqgħu nemmnu"

    Il-midfielder ta' Napoli, Jorginho, xorta għadu jemmen li t-tiġrija għall-Iscudetto hija waħda miftuħa minkejja li jinsabu sitt punti taħt il-leaders Juventus.  Napoli ġew miżmuma fi draw ta' mingħajr goals kontra AC Milan, filwaqt li Juventus rebħu 3-0 kontra Sampdoria ġewwa darhom.  Iż-żewġ timijiet fadlilhom sitt partiti x'jilagħbu f'dan l-istaġun.

    Arkadiusz Milik kellu ċans tad-deheb li jikseb it-tliet punti għall-Partenopei, iżda Gianluigi Donnarumma ċaħħdu milli jagħmel dan.

    "Konna qed nilagħbu kontra team tajjeb. Sfortunatament ma ħadniex il-vantaġġ taċ-ċansijiet li ġewna.  Qed nagħtu l-aħjar tagħna, iżda f'dawn l-aħħar ftit logħbiet sibniha diffiċli li niskurjaw il-goals minkejja li ħloqna diversi ċansijiet ta' skor," qal Jorginho.

    Meta mistoqsi jekk fejn setgħu marru ħażin, Jorginho wieġeb: "Hu diffiċli li nsib tweġiba bħalissa, nistgħu nitjiebu fis-settur difensiv. Jew nistgħu nilagħbu b'aktar ħeffa.  Jekk ma nemmnux li nistgħu nirbħu l-Iscudetto, aħjar li ma nilagħbu xejn.  Ser nippruvaw nirbħu, kif qegħdin nagħmlu."