Il-Maġistrat ma jikkonfermax jekk aċċettax it-talba għal-laptop ta' DCG

    Il-Maġistrat Anthony Vella maħtur b’rabta mal-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia baqa’ ma kkonfermax dwar jekk hu talabx lill-familja Caruana Galizia biex jieħu fil-pussess tiegħu l-laptop tal-vittma.

    Meta mistoqsi dwar dan huwa qal li ma jistax iwieġeb minħabba li l-investigazzjonijiet min-naħa tiegħu kienu għadhom għaddejjin.

    Minkejja dan huwa kkonferma li l-pulizija ressqet applikazzjoni quddiem il-Qorti biex hu ikun jista’ jieħu fil-pussess tiegħu dan il-laptop u kwalunkwe informazzjoni li setgħet tkun utli fl-investigazzjoni b’rabta ma’ dan il-każ.

    Dan wara li l-laptop miġbur mir-residenza tal-familja Caruana Galizia fl-investigazzjoni preliminari kien dak li ntuża kien f’Diċembru tal-2015.

    F’waħda mis-seduti tal-Qorti f’Diċembru illi għadda l-Ispettur Kurt Zahra fix-xhieda tiegħu qal li ma nstabet l-ebda traċċa tal-laptop tal-vittma u li binha ma kienx ċert jekk din kinitx ħarġitu magħha jew le dakinhar li nqatlet.

    L-aħħar blog tal-vittma ħareġ fis-2.35 p.m, madwar 23 minuta qabel seħħet l-isplużjoni fil-Bidnija u dan kien jirreferi għas-seduta li kienet seħħet aktar kmieni filgħodu li kienet tinvolvi lill-Prim Ministru, liċ-Chief of Staff Keith Schembri u lill-ex kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

    Daphne Caruana Galizia qatt ma semmiet lit-tlett akkużati bil-qtil tagħha, iżda lura f’Ottubru tal-2014 hi kienet kitbet dwar Adiran Agius, wieħed mis-seba’ l-oħra li ġew arrestati f’Diċembru li għadda u li aktar tard kienu meħlusin fuq bail.

    George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż, ħuh Alfred magħruf bħala l-Fulu u Vincent Muscat li magħruf ukoll bħala l-Koħħu jibqgħu t-tlett akkużati bil-qtil tal-blogger.