“Il-Prevenzjoni Hija Aħjar Mill-Kura”

    Dan is-sit iltaqa’ ma’ Bader Zeina, Kelliem u wieħed mill-fundaturi tal-Fondazzjoni tal-Kunsill Musulmana f’Malta (MMCF), fuq l-ostakli li qiegħda taffaċċja il-kommunita Musulmana (kemm dik barranija, kif ukoll dik Maltija), kemm fil-passat u kif ukoll fil-preżent.

     

    Għal min forsi mhux daqshekk infurmat, kemm hija kbira l-Kommunita Musulmana f’Malta? U x’inhuwa l-irwol tal-MCCF f’dan kollu?

    Bażikamet, li naħdmu man-nies u għan-nies mal-komunitajiet kollha, u nkunu il-pont li qiegħed jgħaqqad lilna kollha.

    L-MMCF hija għaqda li żviluppat matul iż-żmien: ħafna minn dawk in-nies li huma attivi f’din l-għaqda ilhom għoxrin sena jaħdmu fil-qasam tal-volontarjat u fil-Kommunita Musulmana. Il-fundaturi ta’ dan il-kunsill kollha ġejjin minn qasam differenti.

    Ix-xogħol tagħna huwa fuq bażi volontarjat: L-għan u l-isfond tal-Kunsill huwa li jikkontribwixxi, oltre’ għall-bżonnijiet tal-kommunita’, għall-ġid tal-pajjiż li ngħixu fih, biex kemm jista jkun nagħtu lura xi ħaġa lil dan il-pajjiż, li għal xi uħud minnha kien kruċjali biex nerġgħu niksbu d-dinjita’ tagħna. Fost il-membri tal-Kunsill, hemm nies li ilhom f’Malta għal iktar minn tletin sena,  b’dawk li ilhom hawn Malta l-inqas xorta jġorru magħhom għaxar jew ħmistax-il sena esperjenza. Apparti hekk, numru kbir minnhom huma dixxendenti ta’ immigranti, u ġew naturalizzati bħala ċittadini Maltin daqsi u daqsek.

    Bħala kunsill, l-attivitajiet taħgna qiegħdin ikunu fuq bażi sempliċi ħafna: Bl-appoġġ li nagħtu lill-kommunita’ Musulmana, qiegħdin nikkontribwixxu b’mod ġenerali fil-kommunita Maltija. Meta kellna ċ-ċans nagħtu d-donazzjonijiet, kif ukoll id-daqqa t’id b’mod iktar attiv, fuq affarijiet bħall-Istrina u Puttinu, din il-kommunita kienet qiegħda tagħti s-sehem tagħha.

    Issa, bħala membri tal-eżekuttiv qiegħdin nofs tużżana. Pero lil’hinn mill-eżekuttiv, għandna kommunita’ Musulmana mdaqqsa f’pajjiżna. Bħala Maltin naturalizzati, qiegħdin nispekolaw li qiegħdin qrib il-ħamest elef, pero bit-tibdil li qiegħed iseħħ f’dawn il-pajjiżi, dan in-numru qiegħed jinbidel. Fost l-oħrajn, hemm ħafna nies li jiġu minn pajjiżi Ewropej li qiegħdin jaħdmu Malta, li wkoll jappartjenu għall-fidi Musulmana. Hemm nies li qiegħdin jiġu minn kumpaniji barranin, li għandhom identita’ Ewropeja u ġew Malta bħala ċittadini fis-Schengen, li jħaddu l-fidi Musulmana. 

    U hawn nagħmel aċċenn, għaliex dan huwa punt li forsi ħafna nies jinsew, jew jiżbaljaw. Meta ngħidu “kommunita’ Musulmana”, maħniex qiegħdin ngħidu “kommunita Għarbija.” Nirrikonoxxi dan l-element ta’ preġudizzju, pero’ din l-idea hija żbaljata. Għandek ħafna nies mill-Ewropa li jħaddnu r-reliġjon tal-Iżlam, u jiġu minn positjiet bħall-Ingilterra, Franza, l-Italja, il-Ġermanja eċċ.  Mhix l-ewwel darba li bħala Kunsill ġejna kkuntatjati minn turisti Ewropej, biex isaqsuna fi xħin u fejn jistgħu jmorru jitolbu.

    Kemm bħala MMCF, u kif ukoll bħala kommunita, x’taħseb li huma l-ikbar ostakli li qiegħdin taffaċċjaw?

    L-ikbar żvantaġġ li l-Kunsill bħalissa għandu hija naħseb l-eta.’ Hemm numru kbir ta’ membri fi ħdan il-Kunsill li huma ta’ eta’ u ġenerazzjoni avvanzata. Hemm bżonn ta’ nies ġodda, u fuq din qiegħdin naħdmu fuqha, pero’ mhix faċli. Il-volontarjat, sakemm jippenetra f’demmek u jidħol ġo fik, mhix faċli. Ħafna drabi, għandek kwistjonjiet ta’ konoxxenza, ta’ tagħrif, li jridu jiġu megħluba l-ewwel qabel wieħed jidħol b’ruħu u b’ġismu. Jista’ jkun il-każ li ċertu nies ikollhom nuqqas ta’ konoxximent tal-bżonn tax-xogħol tal-volontarjat, u allura ma jkollhomx dak l-ispirtu jew dik l-imbuttatura li jieħdu sehem attiv.

    Nammetti wkoll li l-maġġoranza tan-nies jgħożżu d-dinjita’ tagħhom, u għalhekk jippreferu li ma jiġux esposti, speċjalment fuq il-midja u fuq is-siti soċjali. Jiena għaddejt minnha, u naf x’jiġifieri…

    Iġifieri i-lenti pubblika ġieli tfixkel il-ħidma tiegħek?

    Sfortunatament iva.

    B’tali mod?

    Ifhem, ikun hemm min ma jkunx jaf il-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tal-kommunita’ x’inhuma, ma jkollux dak it-tagħrif, allura jaqbeż u jippreġudika. Ċertu ideat ħżiena diffiċli biex tneħħihom, u issir iktar diffiċli biex forsi tasal f’kompromess. Jekk inti taf, per eżempju li għandek impjegat li għal ftit ħin ikollu bżonn jagħmel it-talba tiegħu, u inti taf li din ix-xewqa personali qiegħda isaħħaħ il-karattru ta’ dan il-persuna u qiegħda tagħmlu persuna aħjar, kif ukoll tassigura andament posittiv fix-xogħol tiegħu, mhix aħjar tħallih? 

    Bħala finanzi, jekk jinqala’ l-każ, ma naħsibx li hija xi problema maġġuri biex insibu appoġġ (avolja xorta limitati), pero’ jibqa’ l-fatt li ċertu ħidma attiva trid issir min-nies. 

    Dan in-nuqqas ta’ tagħrif, personalment, huwa wkoll l-ikbar problema li din il-kommunita taffaċċja. Ħemm ħafna elementi fuq dan il-punt, pero li huwa żgur huwa li l-midja xi kultant ma tgħinekx.

    Apparti hekk, dan il-pajjiż għaddej minn ħafna affarijiet u bidliet f’daqqa. L-ikbar kwistjoni li għaddejja bħalissa hija fejn jidħol l-iżvilupp soċjali, u t-trasformazzjoni kulturali li qiegħed jaffaċċja. Ħafna nies qiegħdin jinnotaw dan l-iżvilupp, pero’ mhix qiegħdin jagħtu każ l-konsegwenzi ta’ dawn il-bidliet. Ċertu ħtiġijiet ta’ kommunitajiet speċifiċi, forsi mhumiex qiegħdin jiġu ndirizzati b’mod sodisfaċenti.

    Irrid nikkunsidra lat ieħor hawnhekk: Għandek ċertu nies fil-kommunita Musulmana, kemm lokali imma iktar minn lat globali, li mhux qiegħdin jipprattikaw l-Islam kif suppost. L-ikbar għadu tal-Islam huwa bniedem li jgħid li huwa Musulman, meta dawn l-atti jmorru kontra t-tagħlim tal-Islam. Isiru ċertu atti li sfortunatament jinstemgħu ħażin u jpinġu dell ikrah fuq l-Islam u l-Musulmani.

    Dawn l-atti huma l-antiteżi ta’ dak li jippriedka l-Islam. Jekk tisma’ x’tippriedka r-reliġjon tagħna, kull att vjolenti u kriminali kontra kull persuna oħra huwa pprojbit. Kif tista’ tgħid li dan il-persuna huwa Musulman vera? Għaliex jgħid “Allah Hu Akbar”? M’hemm l-ebda konnessjoni. Anke l-Maltin jgħidu “Alla Kbir” u jwettqu ċertu reati, pero ma tfissirx li meta ssir xi ħaġa ħażina, noqogħdu niktbu fuq il-gazzetta “Kristjan għamel hekk”, u niġġeneralizzaw b’mod dispreġġjattiv.

    Dan in-nuqqas ta’ tagħrif, u n-nuqqas kbir ta’ sensibilizazzjoni fuq xi jfisser l-Islam, hija forsi waħda mir-raġunijiet għala nistgħu naslu għal ħafna problemi.

    Forsi huwa dan in-nuqqas ta’ tagħrif li wassal għal xi kwistjonijiet, bħal ma kien hemm fl-Imsida u f’San Pawl il-Baħar?

    Mingħajr dubju. Jekk in-nies ma jkunux jafu x’isarrfu dawn il-postijiet u kemm kapaċi jagħmlu ġid, kemm fuq bażi individwali kif ukoll bħala soċjeta, ħa jibqgħu għaddejjin bl-istess problemi ta’ qabel u ma nsibux soluzzjoni.

    Iż-żewġ kwistjonijiet li semmejt inti kienu jirrelataw ma’ post tat-talb. Issa, fejn inti jkollok post tat-talb, ma nifhimx il-biża li jista jkun hemm relatat miegħu. Filwaqt li nħeġġeġ lil kulħadd biex jirrispetta id-dinjita’ ta’ ħaddieħor, fejn jidħol l-Islam u t-talb, dan huwa sors ta’ dixxiplina kbira, dixxiplina li qiegħda tikkontribwixxi għall-aqwa interessi tal-istat u tal-kommunita’ fejn qiegħed tgħix. Post tat-talb, diment li jgħallem lin-nies biex ikunu aħjar milli huma, mgħandux għalfejn jiġi rriġettat.

    Biex intik eżempju: Fir-reliġjon tal-Iżlam, ix-xorb huwa pprojbit. Dan għaliex kulħadd jaf li persuna xurbana jista jkun aggressiv, apparti li jista jagħmel ħsara kbira lill-individwu, lil ta’ madwaru, u lis-soċjeta kollha. Jekk wieħed jgħidli jekk inix qiegħed nagħmel ħsara lill-ekonomija hekk, pront inwieġbu li l-prevenzjoni aħjar mill-kura. Dan huwa idejal li l-Islam jadattah kompletament, u indubbjament jgħin lil ħafna nies biex jgħixu ħajja aħjar.

    Nammetti li Malta bħalissa għadddejja minn perjodu ta’ transizzjoni kbira, u nifhem li din it-transizzjoni ġiet aċċellerata b’mod ikbar matul dawn l-aħħar snin. In-numru li hemm barranin f’Malta bħalissa tant żdied, li f’ċertu kwartieri jew irħula bħal Buġibba, fejn qabel konna ngħidu li “fin-nofs ta’ Londra ma kontx tara Ingliż” tapplika għal hemm wkoll għall-Maltin. Madanakollu, dan it-tibdil m’għandux jiġġustifika n-nuqqas tad-drittijiet tal-individwu u tal-kommunitajiet, u lanqas l-obbligi rispettivi tagħhom. 

    Nerġa ndur għall-kwistjoni ta’ kmamar tat-talb. Dawn in-nies li qiegħdin jorganizzaw dawn il-laqgħat, ħafna drabi, ikunu qiegħdin jaħdmu b’kooperazzjoni sħiħa mal-istat, biex ikunu l-ewwel għajnuna, l-ewwel kuntatt, u l-ewwel sors ta’ informazzjoni fuq il-kommunita. Kull membru ta’ dawn il-kommunitajiet jappartjenu lil Malta, jħobbu lil Malta, u qiegħdin jieħdu sehem attiv fil-kommunita’ tagħhom b’mod volontarju, u għall-ebda skop ieħor.

    Il-bżonnijiet ta’ talb huwa magħruf u mifhum. Jekk inħarsu lejn pajjiżi oħra Ewropej pero’, nindunaw li sfortunatament, jekk dan ma jingħatax b’mod legali, jsir xorta b’mod mhux ikkontrollat.

    Naħseb li din tirrelata ma’ pajjiżi Ewropej bħall-Ingilterra, il-Ġermanja u Franza, korrett?

    Iwa. Meta niltaqgħu mal-politikanti u mar-rappreżentanti, l-messaġġ tagħna huwa ċar: Lil dawn in-nies, irridu ntuhom l-għajnuna, u mhix inwaqqfuhom. Aħna mhix talli rridu nilħqu l-livell ta’ pajjiżi oħra Ewropej, irridu nitgħallmu minnhom u nkunu aħjar minnhom.  Kellna diġa esperjenzi u inizjattivi Maltin li kellhom kemm il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħhom,.

    It-tfal, jekk titlaqhom flimkien ġo grawnd tal-futbol b’ballun, ħa jilgħabu flimkien. Mhix sejjer jiġi jimpurtahom mil-isem, min-nazzjonalita, mill-kulur, jew mir-reliġjon ta’ xulxin, l-aqwa li jilgħabu. B’mod ta’ rispett reċiproku, neliminaw il-qasmiet differenti li hemm fis-soċjeta Maltija.

    U dan l-aspett ta’ klassi, jew ta’ diviżjoni soċjali, kif se jiġi solvut allura?

    Mistoqsija tajba, u din se nwieġbek billi ntik tlett xenarji differenti, ġewwa tliet pajjiżi differenti.

    Fl-Ingilterra, kienu qasmu lill-istudenti f’setturi: Skola Kristjana għalija, skola Lhudija għaliha, skola Musulma għaliha eċċ. X’ħin ġew għall-livell terzjarju, ma setgħux jingħaqdu flimkien, u ħassewhom skomdi jaħdmu flimkien, għax għamlu l-perjodu tal-formazzjoni tagħhom isseparati.

    Franza min-naħa l-oħra, eliminat ir-reliġjon kompletament, u kellhom edukazzjoni kompletament sekulari. L-agħar ħaġa li għamlu pero, kienet li ħolqu sens informali ta’ klassi. Jekk inti Franċiż, għandek livell ta’ ħajja aħjar, b’numru ta’ opportunitajiet ikbar: Jekk le, qiegħed fi klassi inferjuri. L-unika eċċezzjoni hija jekk inti turi li inti akkademikament tajjeb. Fil-fatt, jekk tara ħafna min-nies li marru jieħdu sehem f’dawn l-atti terroristiċi, tinduna li ħafna minnhom ġejjin minn problemi soċjali, kienu nstabu ħatja ta’ reati kriminali zgħar, imbagħad spiċċaw f’sitwazzjoni mingħajr ebda tama ta’ ritorn.

     

    Fl-aħħar hemm il-Ġermanja. L-Awtoritajiet Ġermaniżi, minflok għadu lura, kellhom impatt dirett fuq is-soċjeta, u tefgħu lil kulħadd taħt l-umbrella tal-istat. Il-Kristjaneżmu ħa ngħallmu jien; l-Islam ħa ngħallmu jien; il-Ġudaiżmu ħa ngħallmu jien, u l-Etika ħa ngħallimhielek jiena wkoll. Kien għalhekk li l-kommunita Ġermaniża ingħaqdet b’mod iktar b’saħħtu mill-pajjiżi l-oħra.

     

    Aħna dan il-punt xtaqna nittrasmettuh hawn Malta, u kien bl-appoġġ tal-Ministru tal-Edukazzjoni preżenti li sar ħafna progress. Ir-rispett u s-sensibilizazzjoni min-naħa tiegħu, speċjalment fejn jiġu l-ħtiġijiet soċjali bħalissa, huma evidenti. Meta inqala l-paniġierku kollu għaliex fl-iskejjel tagħna qiegħed jiddaħħal l-Islam, nemmen li ċertu kliem kif tpoġġa fil-midja wassal għal ċertu żvijjar minn dak li kellu jitwettaq fil-verita.

    Il-frott ta’ din il-bidla fil-mentalita diġa qiegħdin narawha fostna. Illum il-ġurnata, nies bħal Asma Dekna, Sara Ezabe u Abdalla Dekna ġabulna unur lejn il-pajjiż, u nemmen li dan se jkompli fiż-żmien li ġej. Ma rridux nħallu lil ċertu nies b’mentalita ħazina jużaw l-Islam bħala kamuflax biex jinħeba: Anzi, naħdmu għal iktar edukazzjoni u iktar għarfien miż-żewġ naħat. 

    Dan kollu jista jgħinna biex bħala poplu, nibbenefikaw minnu u jikkontribwixxi għall-ġid u r-rikezza ta’ dan il-pajjiż, waqt li nkunu pajjiż eżemplari għall-bqija tad-dinja. U ta’ dan, aħna ngħidulu merħba bih.

    Sfortunatament, il-Gvern preċedenti kien iwarrab milli jaffaċċja u jindirizza dawn l-affarijiet. Għaldaqstant, ma nstabux soluzzjonijiet. Il-Gvern preżenti kien iktr konxju tal-bżonnijiet tal-komunita’ Musulmana, kien iktar apert, u qieghed jiprova jiftaħ il-bibien. Għadna forsi ma wasalniex għal soluzzjoni għal kwalunkwe qasam, pero indubbjament sar progress.