10 persuni arrestati wara sejba ta’ droga

    Matul il-lejl li għadda, iktar ħidma mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, fil-lokalita’ ta’ Paceville, wasslet għall-arrest ta’ 10 irġiel. L-irġiel, li l-etajiet tagħhom tvarja bejn id-19 u it-28 sena, huma Maltin, Niġerjan u Somalu.

    Is-Somalu nstab fil-pussess ta’ diversi qratas bid-droga suspettata kokaina u tal-pjanta tal-Cannabis, lesta għat-traffikar. Wieħed mill-Maltin instab ukoll fil-pussess ta’ diversi qratas bid-droga suspettata kokaina lesta wkoll għat-traffikar. L-irġiel l-oħra, li huma Maltin u Niġerjan, instabu fil-pussess tad-droga suspettata kokaina u ħaxixa għall-użu personali tagħhom.

    Mhux eskluż li l-Malti u s-Somalu jitressqu b’arrest il-Qorti għada, b’akkużi relatati ma’ pussess u traffikar ta’ droga.

    L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.