LIĠI TAL-IVF: Karol Aquilina jiddeskrivi bħala “fake news” rapporti li kien voċiferu fil-laqgħa tal-Eżekuttiv Nazzjonalista

    “#fake news.” Hekk iddeskriva lil rapporti li dehru f’sezzjoni tal-midja llum id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina. Fir-rapporti Aquilina kien deskritt bħala li kien fost l-aktar voċiferi fost il-membri li attendew għal-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li ddiskuta l-emendi proposti għal-Liġi tal-IVF.

    Aquilina kien deskritt li flimkien mad-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo u l-eks-Deputat Kap tal-PN Beppe Fenech Adami, kien fost l-aktar li kien voċiferu dwar it-tħassib tiegħu fil-konfront tal-proposti għal din il-liġi.

    Ir-rapporti jkomplu jgħidu li dawn l-aktar membri konservattivi fi ħdan il-grupp parlamentri Nazzjonalista argumenta li Malta, minkejja kull tentattiv tal-Prim ministru Joseph Muscat, għadha fortizza Kattolika u li bosta Maltin huma kuntrarji għad-deċiżjonijiet meħudin mill-Gvern fr-rigward ta’ kwistjonijiet li huma jemmnu jmorru kontra t-tagħlim Nisrani.

    Intant f’kumment fuq il-midja soċjali ċaħad li huwa kien voċiferu bħalma kien deskritt fir-rapporti. Huwa saħaq li “din hija gidba, invenzjoni totali intiża biex tagħmel ħsara lill-Partit u taljena lin-nies.”

    Aquilina saħansitra saħaq li tul din il-laqgħa tal-Eżekuttiv huwa ma lissinx imqar kelma waħda u lanqas biss talab biex jitkellem. “Dan jita’ jikkonfermah kull min kien preżenti.”