AĠĠORNAT: Il-kelb kkonfiskat u meħud għall-kura … Tiskatta investigazzjoni … Ritratti ta' kelb imġiegħel jiekol karkassi ta' annimali mejtin iqajmu rabja

    AĠĠORNAT: F’kuntatt ma’ Inewsmalta, id-Direttur tal-Animal Welfare Noel Montebello kkonferma li rċevew rapport dwar l-istat li fih kien miżmum il-kelb. Uffiċjali tal-Animale Welfare li marru fuq il-post sabu lill-kelb marbut b’katina, bil-post fejn kien qed jinżamm ikun fi stat ta’ telqa kbira. Huwa kkonferma wkoll l-ammont ta’ ikel mitfugħ mal-art lill-kelb, f’sitwazzjoni ta’ nuqqas kbir ta’ iġjene.

    Id-Direttur tal-Animal Welfare kkonferma wkoll ma’ Inewsmalta li l-kelb ġie kkonfiskat u ttella’ l-isptar tal-annimali għall-kura neċessarja. Fl-istess waqt saħaq li ġiet imnedija investigazzjoni fir-rigward tas-sidien tal-kelb, liema investigazzjoni għandha twassal biex jiskatta l-proċess sħiħ tal-liġi.

    16:54 Ritratti ta’ kelb li qed jiċċirkolaw fuq il-midja soċjali qajmu rabja kbira fost komunità tal-annimali, b’bosta jitolbu lill-awtoritajiet biex jieħdu passi b’mod immedjat u jistaqsu kif wieħed jista’ jkollu l-qalb li jittratta annimal f’dan l-istat.

    Il-persuna li ppubblikat ir-ritratti f’din il-komunità qed jisħaq li allegatament il-kelb qed jinżamm marbut fi proprjetà f’Dellimara, bir-ritratti jindikaw l-istat li fih jinsab jgħix il-kelb. Huwa saħansitra saħaq li jidher li kelb kien qed jiekol karkassi ta’ annimali antiki, fejn saħansitra anke l-ilma li kellu f’kontenitur jidher lewn ħadrani.