Putin: “Aktar attakki tal-Punent fuq is-Sirja se jwasslu għal kaos internazzjonali”

    F’telefonata li kellu llum mal-President Iranjan Hassan Rouhani, il-President Russu Vladimit Putin wissa li attakki missilistiċi mill-Punent fuq is-Sirja jwassal għal kaos fir-relazzjonijiet internazzjonali.

    Putin u Rouhani llum ddiskutew is-sitwazzjoni fis-Sirja wara li l-istati Uniti, Franza u r-Renju Unit sparaw numru ta’ missili fuq il-pajjiż bħala ritaljazzjoni għall-allegat attakk kimiku li żvolġa matul tmiem il-ġimgħa li għadda.

    Iż-żewġ mexxejja qablu li l-attakki tal-Punent fuq is-Sirja servew ta’ ostakli biex jinstab ftehim politiku fil-pajjiż.

    L-aġenzija tal-aħbarijiet RIA saħqet li “Putin b’mod partikolari emfasizza li jekk dawn l-azzjonijiet li jmorru kontra dak stabbilit min-Nazzjonijiet Uniti jkomplu, allura dan se jwassal inevitabbilment għal kaos fir-relazzjonijiet internazzjonali.”