Il-Papa Franġisku talab lill-mexxejja dinjin biex isaħħu l-isforzi tagħhom favur il-paċi fis-Sirja. Dan wara li saħaq li jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ pjan konġunt biex jintemm it-tixrid ta’ demm fil-pajjiż.
“Nappella lill-mexxejja politiċi biex il-ġustizzja u l-paċi jipprevalu,” huwa qal lil dawk miġburin fil-Pjazza ta’ San Pietru, fil-Vatikan.
“Ninsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni li qed tirrenja bħalissa fid-dinja, fejn minkejja l-għodda kollha disponibbli għall-komunità internazzjonali, għadha diffiċli biex jintlaħaq ftehim favur azzjoni komuni għal paċi fis-Sirja,” kompla jgħid il-Papa.
Il-Ħadd li għadda huwa kkundanna l-allegat attakk kimiku fis-Sirja, u ddeskrivieh bħala “użu mhux ġustifikat ta’ mezzi ta’ sterminju”.
L-Istati Uniti, Franza u r-Renju Unit ilbiereaħ sparaw għexieren ta’ missili fil-konfront tas-Sirja biex iwaqqfu l-programm ta’ armi kimiċi fil-pajjiż.