Jibdew il-ħajja f’bini “medjokri” … Is-sitwazzjoni ta’ tfal b’diżabilità fis-CDAU

    “Binja antika’.  “Inmorru hemm f’post li hu għal persuni b’diżabilità imma hemm biss ħames parkeġġi għal persuni b’diżabilità. Biex tipparkja problema enormi”.  “Lift li daqqa jaħdem u daqqa le bil-konsegwenza li jkollna nqandlu lil uliedna għas-sular ta’ fuq”. “Kemm uliedna se jdumu ittimbrati, li jkollhom ifallu l-iskola biex imorru s-CDAU.”  ‘Servizzi sa nofsinhar biss u jekk ma tkunx tista’ tmur problema tiegħek u trid tmur privat. Xbajna nitkarrbu biex jinħarġu vawċers kif hemm għal pażjenti bl-ortopedija.  Sa issa ħadd ma semgħana”.  Dawn huma l-karbiet ta’ għadd ta’ ġenituri li tkellmu ma’ IT-TORĊA f’investigazzjoni li għamilna dwar dan il-bini.  Il-ġenituri jitkellmu b’mod pożititv ħafna fuq il-ħaddiema, li jmorru lil hinn minn xogħlhom imma jargumentaw li l-bini hu antikwat u anke s-sistema li jitmexxa biha hi waħda antika, inprattikabbli u inkonvenjenti.. Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna lmenta ma’ IT-TORĊA li  f’ċertu każi is-servizzi m’għadhomx jingħataw fuq bażi individwali imma fi gruppi bir-raġuni li qed tingħata hi dik ta’ nuqqas ta’ ħaddiema. Il-Ministeru fi tweġiba li tana żvela li hemm kumitat interministerjali li qed jaħdem biex itejjeb is-sitwazzjoni u biex tinstab binja alternattiva.

    Meta mitlub jikkummenta dwar is-sitwazzjoni li sibna fl-investigazzjoni tagħna, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità qalilna li “qed insegwi din is-sitwazzjoni u ilna insegwiha. Il-post mhux adattat u hemm sitwazzjoni xejn tajba. Konna anke qed niddiskutu is-sitwazzjoni tal-lift għax ġieli jaħdem u ġieli le. Tinkwetani immens il-fatt lis-servizz mhux qed jingħata lil dawn it-tfal b’mod individwali imma bħala grupp. Anki dik li tfal iridu jitilfu l-edukazzjoni biex imorru CDAU, hi probelmatika. Din hi diskriminazzjoni.  Nemmen li s-servizz lil dawn it-tfal għandu jingħata wara l-iskola biex dawn ma jiġux ittimbrati.  Dan hu post kruċjali għal dawn it-tfal u l-iżvilupp tagħhom.”

    Ta’ min jgħid li bħal servizzi oħra, ġenituri talbu li l-professjonista imorru ġo l-iskejjel biex issir it-terapija li ma tirrikjedix għodda bħal ‘speech therapy’, Occupation Therapy u Physio.

    Jitkellmu l-ġenituri…..’nerfgħu lit-tfal għas-sular ta’ fuq’

    Ġenituri li tkellmu magħna qalulna li “s-CDAU hi binja ta’ erba’ sulari.  Tinsab fuq in-naħa ta’ wara ta’ dak li kien l-Isptar San Luqa.  L-ewwel problema li ssib meta tkun għadek lanqas irfist ġo din il-binja hi l-parkeġġ. Hemm parkeġġ imma minkejja li l-post joffri servizzi lil persuni b’diżabilità u għalhekk hemm bżonn li jkun hemm post fejn jipparkjaw, hemm biss ħames postijiet riservati għal min ikollu l-blu badge.  Il-parkeġġ hi problema kbira” jisħqu l-istess ġenituri.   

    Tidħol fil-binja u max-xellug issib ir-reception bi tlieta minn nies mill-aktar dħulin u li joffrulek mill-ewwel l-għajnuna. Timxi għal pass li jmiss u ssib li f’din il-blokk hemm biss lift wieħed u dan meta ħafna pazjenti huma b’diżabilità.  Il-lift hu wieħed żgħir ħafna u antik. Spiss dan ikun wieqaf u mhux jaħdem. Fil-lift joqgħod biss siġġu tar-roti u persuna oħra litterlament mgħaffġa mal-ġenb tal-lift.”.

    “Meta l-lift ma jkunx jaħdem u sibt hekk diversi drabi ikollna inqandlu biex nitilgħu fuq. Sitwazzjoni iebsa ħafna”, jgħidulna xi ġenituri.

    Tojlit wieħed … inkonvenjenza kbira 

    Problema li hi ħmar il-lejl għal ġenituri ta’ tfal b’diżabilità li jmorru f’dan il-post huma it-tojlits. Fil-post fejn hemm ir-reception hemm biss tojlit wieħed. “Jekk it-tojlit ikun okkupat meta xi ħadd ikollu bżonnu, hi problema kbira. Hemm tfal b’diżabilità li  ma jkunux kapaċi jikkontrollaw il-bżonnijiet tagħhom”.   Ġenitur li tkellem magħna qalilna li “mhux se noqgħod nilmenta fuq il-fatt li ġieli appuntamenti jiġu ibbukkjati darbtejn. Li se ngħid u dan ngħidu b’kontra qalbi hu li meta tara x’riżorsi hawn illum għal dawn it-tfal, liema riżorsi issibhom fil-privat, u tara x’riżorsi hemm fis-CDAU, inti malajr tasal għal konklużjoni li jkun aħjar jekk tmur għas-servizz fil-privat.   Issa għandna l-problema li ħafna mis-servizzi offru mis-CDAU jiġu offruti bejn it-8.00 ta’ filgħodu u nofsinhar.  Dan ifisser li l-ġenituri iridu jieħu lil dawn it-tfal f’dawk il-ħinijiet. Dawn huma servizzi li jinkludu servizzi psikoloġiċi, pedjatra, taħriġ fil-kliem, physio u anke Occupational Therapist.  F’xi każi ta’ trabi jkun hemm bżonn aktar minn terapija waħda f’temp ta’ ġimgħa. Issa jekk il-ġenituri ma jkollhomx appoġġ minn nies oħra fosthom in-nanniet, dawn jispiċċaw isibu problemi kbar  biex jieħdu lil uliedhom għal dan it-terapiji u s-servizzi.”

    Jgħidulna li “mhux xi sigriet li ħafna qed jagħżlu li jmorru għal servizzi privati li jkunu wara l-4.00 ta’ wara nofsinhar, ħin li huma jistgħu jmorru bla problemi wara ix-xogħol.”

    Ġenitur jgħidilna li “problema kbira saret.  Kemm se ndum nieħu ġranet ta’ leave.  Ġejt qisni qed nitkarrab fuq ix-xogħol. Possibbli ħadd ma jirrealizza li din lilna qed toħloqilna problemi u stress għax mhux faċli li noqogħdu nieħdu leave għal kull appuntament”.

    Sar piż finanzjarju

    Ġenitur li tkellem magħna ma naqasx li jsemmi il-piż finanzjarju.  “Hemm il-kwistjoni finanzjarja. Is-CDAU is-servizzi huma kollha bla ħlas. Imma l-problema tal-ħin li fih joffru is-servizz, lili toħloqli problema. Kemm jien u kemm il-mara it-tnejn naħdmu.  Spiċċajna inmorru fil-privat bit-tifel u dan għax fil-privat l-appuntament ikun wara l-5.00 ta’ wara nofsinhar.  Nista’ ngħidlek li dawn is-servizzi issa saru għalina piż finanzjarju.  Lit-tifel mhux se nċaħħduh mit-terapija, lesti nagħmlu kollox”.

    Nistaqsuh x’inhi is-soluzzjoni għal dan u jgħidilna li “soluzzjoni ipproponejna. Tlabna biex ningħataw vawċers, biex il-ġenituri ta’ dawn it-tfal u li għandhom problema biex jieħdu lil uliedhom fil-ħin tas-servizzi tas-CDAU, jużaw dawk il-vawċers fil-privat.  Din hi xi ħaġa li qed issir f’settur ieħor dak tal-ortopedija.   Nemmen li uliedna għandhom dritt għal dawn is-servizzi, imma ma jistax ikun li nispiċċaw b’restrizzjonijiet minħabba l-ħinijiet.  Naf ommijiet li kellhom jirriżenjaw ix-xogħol biex ikun jistgħu jieħdu ħsieb lil uliedhom u jmorru għal dawn l-appuntamenti”, qalilna l-istess ġenitur.  

    Iwieġeb il-Ministeru għas-Saħħa

    Il-Ministeru għas-Saħħa meta mistqosi minn IT-TORĊA qalilna li “nagħrfu u konxji li bl-espansjoni ta’ servizzi li seħħew matul is-snin inħolqu pressjonijiet ta’ operat fl-akkwati, speċjalment f’ħinijiet ta’ filgħodu fejn il-parkeġġ hu limitat. Il-binja kienet mibnija ħamsa u għoxrin sena ilu biex takkomoda għal ammont ħafna iżgħar ta’ nies li qegħdin jattendu fil-preżent  għas-servizzi li jingħataw mid-Dipartiment ta’ CDAU.”

    Il-Ministeru jgħid li “għaldaqstant dawn l-aħħar ħames snin investejna kemm fil-binja u kif ukoll fis-servizzi li jingħataw minn dan id-dipartiment b’għan wieħed li nkomplu intejbu u nsaħħu servizzi li diġa qed noffru.  Hu importanti ukoll li l-poplu jkun jaf li fil-manifest elettorali li ġie imnedi - is-CDAU jissemmha speċifikament biex is-servizzi jitwessaw u l-familji jibbenifikaw minn servizzi aħjar. Bħalissa hemm Kumitat minn tlett Ministeri (Saħħa, Edukazzjoni u Soċjali) iddedikat biex jaħdem fuq dawn il-proposti ta’ titjieb.  Qed naħdmu ukoll biex nsibu post u binja alternattiva li tkun iktar adekwata għal bżonnijiet ta kull minn jagħmel użu minn dan id-dipartiment.”

    “Nilmentaw u jgħidulna hemm pjani għal bini ġdid’

    Nistaqsuhom jekk qattx ilmentaw mal-awtoritajiet dwar dawn in-nuqqasijiet.  Ir-risposta tkun waħda ċara ħafna. “Ilmentajna u meta għamilna dan dejjem ingħatajNA l-istess risposta. Dik li hemm pjani biex is-servizzi jimxu għal bini ġdid. Din ilhom jgħiduhielna għal xejn inqas minn tlett snin. Nista’ ngħidlek li anke tlabna li l-ġenituri ikun parti mill-bord tas-CDAU, iżda għal din it-talba ma kellna l-ebda tweġiba.”

    Il-Kummissarju jilmenta … meta se jinbidel il-‘modus operandi’

    Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna meta kkuntattjat minn IT-TORĊA qalilna li “jien naf bis-sitwazzjoni gĦax ilni xhur insegwiha. Il-post mhux wieħed tajjeb.  Dan l-aħħar bdejna niddiskutu magħhom anki l-lift. Anki bħala servizz, dan hu li hu għax hemm nuqqas ta’ riżorsi umani. Issa spiċċaw jagħmlu sessjoni mat-tfal bħala grupp mhux individwali. Nemmen li dan m’għandux ikun għax il-Kura u riabilitazzjoni m’’għandhomx jingħataw  bħala grupp imma individwali.  Nista’ ngħid li hemm ukoll żewġ każi li jirrikjedu erba’ appuntament fix-xahar u  lil dawn tawhom tnejn f’sitt xhur.”

    Jgħidilna li “hemm pjan li CDAU jinbidel il-modus operandi tiegħu.  Il-biċċa hi meta dan se jsir. Xogħli hu li nagħmlu pressjoni qawwija biex jibdew jiċċaqilqu l-affarijiet. Iċ-Child Development Assessment Unit hu post kruċjali għat-tfal.  Mhux għat-tfal b’dizabilita biss. Dan għax hemmhekk imorru tfal oħrajn fosthom mill-programm Lenti  u tfal bi problemi ta’ imgieba. Jekk dan is-servizz mhux se jkun b’saħħtu għada pitgħada mhux se jikbru bil-bżonnijiet tagħhom indirizzati.”

    Diskriminazzjoni li jkollhom jitilqu mill-iskola biex imorru is-CDAU

    Oliver Scicluna jilmenta ukoll dwar il-fatt li ħafna mis-servizzi jingħata biss filgħodu sa nofsinhar u li minħabba fiha it-tfal ikollom ifallu l-iskola biex imorru għal dawn is-servizzi. “Din hi diskriminazzjoni.  Diskriaminzzjoni lejn dawn it-tfal.  Jien nemmen li servizzi għandhom jingħataw wara s-sagħtejn għax hu dritt sagrosant li t-tfal kollha għandhom dritt għall-edukazzjoni. Mela lil dawn qed intellfulhom il-ħin u qed nispiċċaw nagħmlu identifikazzjoni ma sħabhom fl-iskola għax jgħidu ma ġiex l-iskola għax għandu l-isptar.”