Jitlesta restawr ta’ 890 metru kwadru mill-faċċata tal-ġenb tal-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun

    “Huwa obbligu u dmir tagħna li nippreservaw din il-ġawhra barokka fi ħdan iż-Żejtun. Dan l-intervent huwa eżempju ċar tax-xogħol tagħna biex nikkonservaw l-istorja u t-tradizzjonijiet ta’ pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet futuri. Aħna għandna għal qalbna l-kultura ta’ pajjiżna u aħna impenjati sabiex inqawwu u nsaħħu dan is-settur”. Stqarr dan il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt l-inawgurazzjoni tat-tlestija mir-restawr tal-ġenb tan-naħa tan-Nofsinhar tal-Knisja Parrokjali taż-Żejtun.

    Ġie rrestawrat total ta’ 890 metru kwadru mill-faċċata, fi proċess li nbeda fil-21 ta’ Ġunju 2017, b’investiment ta’ €98,994.

    “Dan l-aħħar rajna numru ta’ proġetti ambizzjużi  fejn jidħol ir-restawr. Apparti r-restawr ta’ postijiet storiċi nazzjonali, bħas-swar u palazzi fi ħdan il-belt Valletta, irridu nħarsu wkoll il-lokalitajiet tagħna, li  huma mogħnija b’bosta ġojjelli storiċi u ta’ importanza li issa qegħdin jingħataw l-attenzjoni li jistħoqqilhom”, saħaq il-Ministru Bonnici.

    Dan il-ġenb tal-Knisja Parrokjali ġie meqjus bħala prijorità biex jiġi kkonservat u jsirlu restawr fuq il-bqija tal-faċċati l-oħra minħabba li l-orjentazzjoni tiegħu tiffaċilita aktar deterjorazzjoni b’mod mgħaġġel. 

    Ix-xogħlijiet li saru jistgħu jiġu klassifikati taħt tliet kategoriji prinċipali. L-ewwel waħda tinkludi x-xogħlijiet kollha li kellhom x’jaqsmu mat-tisħiħ tal-materjal, bħall-konsolidazzjoni ta’ ġebel dgħajjef, ir-rinfurzar ta’ kantunieri u pilastri b’teknika ta’ injezzjoni ta’ taħlita bil-ġir u t-tibdil ta’ materjal deterjorat li jinkludi erba’ kapitelli li kienu qegħdin fi stat ħażin wisq biex jissewwew.

    It-tieni kategorija kienet tinvolvi l-operazzjoni tat-tindif li tinkludi t-tneħħija ta’ depożiti suwed li ffurmaw matul iż-żmien taħt il-gwarniċi, it-tneħħija ta’ ħafna ħmieġ tal-ħamiem u xogħol relatat biex jiskoraġġixxi bejtiet fil-futur, u t-tneħħija b’mod delikat u bl-idejn ta’ siment oħxon li kien qiegħed jgħatti ħafna mill-filati ta’ isfel tal-knisja, li kien ukoll qiegħed jikkawża ħsara bil-melħ fil-materjal ta’ maġenbu. 

    L-aħħar kategorija tkopri x-xogħlijiet kollha mwettqa għad-deċelerazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ deterjorazzjoni li tinkludi t-tiswija tal-coping tad-deffun tal-ħajt tal-parapett, it-tqegħid ta’ deffun ġdid fuq il-ħoġor u l-gwarniċi kollha, u l-użu ta’ plastic repair mortars biex jitnaqqas it-telf ta’ materjal oriġinali.