DELIA: “Tana biss tlett ijiem xogħol biex niddiskutu l-liġi tal-IVF … liġi daqstant sensittiva”

    Wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ biex fost oħrajn jiddiskuti l-liġi ppreżentata mill-Gvern dwar it-tibdil fil-liġi li tirregola l-IVF, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia f’intervent li għamel fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit kompla jittratta din it-tema. Fost bosta rimarki l-Kap Nazzjonalista saħaq li l-Gvern maħkum minn għaġġla kbira u mhux qed jippermetti lill-Oppożizzjoni li tiltaqa’ man-nies biex tisma’ l-opinjoni tagħhom dwar dan is-suġġett.

    Qal li kuntrarjament għal li kien għamel Gvern Nazzjonalista fl-introduzzjoni tal-liġi eżistenti, fejn kien għamel diskussjonijiet, u laqgħat ma’ diversi esperti f’dan il-qasam, qabel ma eventwalment ġiet approvata b’mod unanimu fil-Parlament, il-Gvern Laburista għamel kompletament bil-maqlub. “Tana biss tlett ijiem xogħol biex niddiskutu liġi daqstant sensittiva,” saħaq Delia, fejn kompla jgħid li “qisu dan għamlu bi ħsieb.”

    Huwa saħaq li din il-liġi hija waħda importanti għax din hija liġi li tittratta l-valur tal-ħajja u l-valur tal-kompassjoni li wieħed irid jgħin lil dawk kollha li ma jistax ikollhom tfal.

    Delia saħaq li b’wiċċu minn quddiem jgħid li attwalment fil-Partit Nazzjonalista hemm dibattitu u djalogu sħiħ biex jipprovaw jaraw kif dawn il-valuri jressaqhom lejn xulxin.

    Filwaqt li rrisponda għal rapporti li dehru f’sezzjonijiet tal-midja, li jindikaw qasma fil-Partit Nazzjonalista dwar dan is-suġġett, Delia żied jgħid li l-laqgħa tal-Eżekuttiv li żvolġiet aktar kmieni din il-ġimgħa hija turija li l-Partit Nazzjonalista għandu għal qalbu l-valur u l-prinċipju tal-ħajja.

    Qal li dan ma jfissirx li ma tingħatax għajnuna lill-oħrajn, iżda li l-avvanzi fit-teknoloġija u l-mediċina titpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ dawk li jeħtiġuha. “Però dan ma jfissirx li għandna mbagħad nikkalpestaw id-drittijiet tal-ħajja ta’ oħrajn.”

    Qal li l-għaġġla tal-Gvern bħal donnha hija mqanqla biex ma jqanqalx l-għadab fil-konfront tiegħu min-nisa.

    Delia rrimarka li l-liġi preżenti tirreferi għall-embrijun bħala uman, “allura l-liġi mressqa mill-gvern li qed tipproponi l-iffriżar ta’ embrijuni fl-aħħar mill-aħħar qed tipproponi l-iffriżar ta’ umani b'data ta' skadenza li jekk ma jiġix adottat jispiċċa propjetà tal-Istat.” Fir-rigward ta’ dan il-Kap tal-Oppożizzjoni emfasizza li qed nilagħbu ma’ kwistjonijiet etiċi u morali delikati ħafna.

    “Irridu nagħmlu minn kollox biex ngħinu lil min ma jistax ikollu tfal, madankollu din il-liġi sa anke neħħiet il-kunċett ta’ familja, għax issa spiċċajna nitkellmu fuq individwu.”

    Quddiem dan Delia rrijafferma li l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista huwa favur il-ħajja mill-konċepiment tagħha sat-tmiem naturali tagħha. “Allura bħala Partit Nazzjonalista għandna l-obbligu li nitkellmu favur dik il-persuna anke fi stat embrijoniku,” żied jgħid il-Kap tal-PN.