F1: Daniel Ricciardo jirbaħ il-GP taċ-Ċina

    Is-sewwieq tal-Formula Wie­ħed, l-Awstraljan Da­niel Ricciardo (Red Bull) ipproduċa waħda mill-aqwa prestazzjonijiet tiegħu biex kontra kull mistenni rebaħ il-Grand Prix taċ-Ċina, li sar fiċ-ċirkwit ta’ Shanghai, meta rreġistra ħin ta’ 1:35:36.380.

    Ricciardo, li sofra problema fit-turbo fil-provi uffiċjali, beda din it-tiġrija mis-sitt pożizzjoni.

    Dan is-sewwieq ta’ 28 sena li se jintemmlu l-kuntratt fi tmiem dan l-istaġun, kellu wirja mpek­kabbli fejn qabeż lil Lewis Hamilton, Sebastian Vettel u lil Valtteri Bottas.

    Il-punt kruċjali għall-Aw­s­tral­jan kienet il-31 dawra meta ħabta bejn iż-żewġ karozzi tat-Toro Rosso, kellha tiġi msejħa s-safety-car.

    Għal dan il-għan, Ricciardo ssejjaħ mit-team tiegħu biex jidħol fil-pit-stop biex ibiddel it-tyres, liema mossa teknika ma saritx mill-Mercedes u mill-Ferrari li eventwalment batew il-konsegwenzi. Dan kien żball kruċjali miż-żewġ timijiet rivali li żgur iridu jagħmlu analiżi u investigazzjoni interna.

    Min-naħa ta’ Ricciardo, it-tyres friski għenuh biex ikun aktar veloċi, tant, li qabeż kull avversarju quddiem biex finalment ħareġ rebbieħ.

    Din it-tiġrija kienet karatterizzata minn drama oħra fejn l-Olandiż, Max Verstappen (Red Bull) u l-Britanniku Lewis Ha­milton (Mercedes) messew ma’ xulxin filwaqt l-istess Verstappen daħal fil-Ġermaniż, Sebastian Vettel (Ferrari) li beda mill-ewwel pożizzjoni u spiċċa fit-tmien post.

    Għaldaqstant, Verstappen in­għata penalitá ta’ 10 sekondi biex Hamilton temm fir-raba’ post.

    Fit-tieni u fit-tielet post daħlu l-Finlandiżi, Valtteri Bottas (Mercedes) u Kimi Raikkonen (Ferrari) rispettivament.

    Il-klassifika ġenerali tas-sewwieqa hija (ta’ fuq): 54 punt - Sebastian Vettel; 45 - Lewis Ha­milton; 40 - Valtteri Bottas; 37 - Daniel Ricciardo; 30 - Kimi Raikkonen.

    Il-klassifika tal-kostrutturi: 65 - Ferrari; 55 - Mercedes; 22 - McLa­ren; 20 - Red Bull; 15 - Renault.