It-tielet l-ikreh kelb fid-dinja jingħata kuntratt ta' mmudellar

    Kelb fl-età ta’ 15-il sena li minħabba d-dehra tiegħu qiegħed jitqies bħala l-ikreh kelb f’pajjiżu bidel l-irwol tiegħu hekk kif wara snin jiġri wara l-qtates issa jidher se jkun qiegħed iqatta’ xi żmien jimmudella fuq it-tapit l-aħmar.

    Chase huwa kelb sempliċi, b’għajn waħda, ftit xagħar u mixja unika tant li minħabba dawn il-karatteristiċi uniċi tiegħu ġie magħżul bħala t-tielet l-ikreh kelb fid-dinja.

    Minkejja din ir-reputazzjoni, il-kelb mistenni jkun parti minn ftehim ta’ tliet snin ma’ aġenzija tal-immudellar u minkejja li għadu fl-ewwel turġien tas-suċċess tiegħu, sidt il-kelb irrakkontat dwar ix-xewqa tagħha li l-kelb ikompli jikseb il-fama tiegħu.

    Hija qalet li minkejja li għada mhix konxja dwar il-qligħ li se jkun qiegħed jagħmel Chase, hi tinsab kuntenta għax il-flus se tkun qiegħda tinvestihom biex hu stess ikun jista’ jgħix aħjar.

    Sidtu li għandha 49 sena u li tgħix f’Wales qalet li ma tmur imkien mingħajru u li bih maġenba tħossha aktar kunfidenti. Qalet ukoll li l-annimali kollha għandhom ferm aktar x’joffru mill-apparenza tagħhom.

    Chase għal sidtu kien dak li għena toħroġ mit-tawma wara li tilfet lil ommha f’inċident traġiku bil-mutur.