Il-Banda Sant'Elena iżżomm l-appuntament annwali tagħha

    Għada filgħaxija, l-Għaqda Mużikali Sant’Elena ta' Birkirkara ser torganizza t-28 Programm Mużikali Annwali konsekuttiv tagħha, fis-Sala tal-Kulleġġ Santa Tereża, Skola Sekondarja fl-Imrieħel.

    Dan il-programm, li din is-sena huwa taħt il-patroċinju tas-Sur Nazzareno Vassallo, se jkun ippreżentat minn Moira Delia, filwaqt li se jkun hemm il-parteċipazzjoni tal-banda tal-Għaqda taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Joe Vella. Mal-Banda jingħaqdu u s-solisti Michela Galea bħala kantanta u Bernard Curmi bħala vjolinista kif ukoll se tieħu sehem ukoll is-Santa Maria Accordian Band Malta.

    F'dan il-kunċert ser nisimgħu xelta vasta ta' mużika klassika, popolari u anki dik moderna u kontemporanja. Fost is-siltiet li l-Banda Sant'Elena se tesegwixxi nsibu s-Slavonic Rhapsody no. 2 ta’ Carl Friedemann, il-valz minn Swan Lake, Medley tal-Kantant popolari Bon Jovi, u diversi siltiet li se jkunu esegwiti għall-ewwel darba minn Banda f'Malta. Ma jonqsux għadd ta' sorpriżi li din il-banda hija magħrufa għalihom waqt kunċert bħal dan.

    L-Għaqda Mużikali Sant'Elena qed tippreżenta dan il-programm bħala pass ieħor lejn iċ-ċelebrazzjoni tal-mitt sena mit-twaqqif tagħha fis-sena 2019. Min jixtieq jattendi jista’ jaqta’ l-biljetti mill-każin jew mis-Sala stess qabel il-Programm Annwali. Is-serata tibda fis-7pm.