Id-diversit√† mil-lenti tal-fotografu f’pubblikazzjoni ta’ APS Bank

    Illum qed ngħixu f’soċjetà diversa. Soċjetà li bid-diversità li fiha ma tistax ma tiġbidx l-għajn ta’ diversi fotografi, li jiddeċiedu li jesploraw u jużaw il-kreattività tagħhom biex jiġbdu l-aħjar immaġini ta’ l-identità unika ta’ ċertu individwi u komunitajiet li hawn f’pajjiżna.  

    Din hi t-tema tal-aħħar pubblikazzjoni li saret mill-APS Bank li ġġib it-titlu ta’ ‘Diversity:  Recognising Individuality”.

    Il-ktieb tnieda nhar il-Ħamis 22 ta’ Marzu, u dan għandu perspettivi uniċi tal-fotografi, Sita Azzopardi, Duncan Cauchi, Ondre Camilleri Gaglione, Richard Farrugia u Keith Ellul.  Imbagħad hemm il-kitba ta’ Anthony Catania li tgħaqqad kollox f’salt. Dan kien parti minn proġett li ilu għaddej tlett snin.

    Hervé Delpech, li hu l-Kap tal-Istrateġija u l-Marketing tal-APS Bank qal li “l-APS jipprattika l-valuri tad-diversità bħar-rispett, l-aċċettazzjoni u l-inklużjoni.  Permezz ta’ dan il-ktieb u l-esebizzjoni, nixtiequ li l-pubbliku inġenerali jingħaqad magħna f’dan il-vjaġġ”.

    Xogħolijiet magħżulin ta’ dawn il-fotografi qed ikunu esebiti fil-kwartieri ġenerali tal-APS Bank u se jdumu esebiti sal-31 ta’ Mejju tas-sena 2018.  L-esebizzjoni tkun miftuħa bejn 8.30 ta’ filgħodu u l-4.00 ta’ filgħaxija mit-Tnejn sal-Ġimgħa u s-Sibt mit-8.30 tal-12:00pm.  Il-ktieb qed jinbiegħ għal prezz ta’ €35. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jibgħat email fuq info@apsbank.com.mt jew iċempel fuq 21226644.