Dak voluntier!

    Tajjeb jew ħażin, l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż sfiduċjat lil Richard Cachia Caruana. Dan seħħ f’Mejju 2012.

    Fit-8 ta’ Ottubru 2012 kien irriżulta li Richard Cachia Caruana kien żamm il-kariga ta’ konsulent mal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi. Żamm ukoll it-titlu ta’ ambaxxatur.

    Ftit xhur wara li kien sfiduċjat, fil-Parlament, Gonzi ippreżenta l-ittra li biha Cachia Caruana beda dan l-impjieg. Gonzi żied li Cachia Caruana rrifjuta li jirċievi salarju. Voluntier!

    Fil-Parlament, Lawrence Gonzi kien qal ukoll: “Kif kont diġa’ stqarrejt, jiena nqis li huwa fl-interess nazzjonali li l-Gvern ikompli jagħmel użu mill-esperjenza twila u l-ħila ta’ din il-persuna f’dak li għandu x’jaqsam mal-Unjoni Ewropea. Għalkemm huwa aċċetta li jservi ta’ konsulent dwar materji marbuta mal-Unjoni Ewropea, huwa talab li jagħmel dan fuq bażi part-time u rrifjuta li jirċievi salarju.”

    Issa fl-aħħar ħinijiet, il-Ministru George Vella żvela li wara li l-Parlament sfiduċjah, Cachia Caruana sewa lill-kaxxa ta’ Malta s-somma ta’ €239,000 f’benefiċċji għat-tmien tal-impjieg. Minbarra hekk se jieħu €141,600 (€5,900 fix-xahar ghal sentejn),. Dan ifisser total ta' €380,685.

    Voluntier ukoll! Iridiex ta’ missjunarju?

    Intant, dan hu eżempju ieħor ta’ gvern li kellu relazzjoni mal-poplu tiegħu bbażata fuq in-nuqqas ta’ verità, il-qerq u l-ħabi. Mhux ta’ b’xejn tonqos il-fiduċja fl-istituzzjonijiet u mhux ta b’xejn li l-poplu sfiduċjah b’€36,000 vot. Dan hu każ tipiku ieħor dwar kif m’għandux jimxi il-gvern il-ġdid.