Ma fehmu xejn?

    Li kieku ma tkunx taf x’kien qiegħed isir fil-pajjiż fl-aħħar ħames snin, id-diskussjoni dwar il-baġit matul il-jum tat-Tlieta kienet waħda li tħallik b’mistoqsija kbira: Il-Partit Nazzjonalista għaliex tilef b’36,000 vot?

    Kelliem wara l-ieħor - b’mod partikolari jispikkaw Tonio Fenech, Jason Azzopardi u Joe Cassar - tkellmu fit-tul dwar il-wirt li ħalla warajh il-Partit Nazzjonalista. Bħal donnu kollox kien miexi fuq ir-rubini.

    “Il-wirt li ħallejna,” “ħallejna patrimonju,” “finanzi fis-sod,” u saħansitra “għamilna kollox” kienu ftit mill-frażijiet li smajna ħafna drabi tul din id-diskussjoni. Fost oħrajn Joe Cassar qal li meta sema d-diskors dwar il-qasam tas-saħħa beda jikteb “done, done, done.”

    Jidher li dawn l-eks Ministri ma tgħallmu xejn mid-dirsa li tagħhom il-poplu fit-tmienja ta’ Marzu. Ma fehmux li r-rotta li kienu qabdu huma ma kinetx waħda tajba u għalhekk kien hemm bżonn bidla fid-direzzjoni. Il-fatt li l-gvern ta’ Joseph Muscat żamm il-qafas tal-baġit ma kienx xi vot ta’ fiduċja fil-gvern preċedenti. Kien biss sens ta’ għaqal, ċertezza u stabbiltá. Issa l-gvern beda jaħdem għall-baġit 2014 u huwa fuq dak l-ewwel ġudizzju li rridu ngħaddu.

    Intant, fl-ewwel jum tad-diskussjoni spikkaw ukoll l-aħbarijiet żvelati mill-Ministri u s-Segretarji Parlamentari ġodda. Konrad Mizzi, fil-qasam tal-enerġija waħdu, semma lista ta’ nuqqasijiet. Iċ-ċirasa fuq il-kejk? Dejn ta’ €835 miljun fl-Enemalta. Chris Agius tkellem tajjeb ħafna dwar il-qagħda ta’ ċerti proġetti fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Ovvjament il-Ministru Edward Scicluna spjega l-qagħda fil-qasam tal-finanzi u d-dettalji minn Marie Louis Coleiro Preca fil-qasam soċjali jħalluk bla kliem.

    Żgur li dawn id-diskorsi u oħrajn magħhom iġagħluk tifhem għaliex dak li kien il-gvern sa xahar ilu dabbar telfa ta’ 36,000 vot. Ir-riżultati li ħallew f’diversi oqsma kienu tal-biki. U allura l-mistoqsija l-oħra: Għaliex kumpens finanzjarju għal dawn il-Ministri li spiċċaw mill-kariga? Sa issa għadna ma nafux kemm hu, għax il-gvern - li sa issa kien trasparenti ħafna f’diversi oqsma - dwar din baqa’ ma tax dettalji. Iżda, skont dak li smajna mill-kelliema Laburisti nfushom dawk li kienu fil-Kabinett preċedenti lanqas ħaqq ġimgħa ‘notice’ ma kien ħaqqhom.