Bartender minn Malta se jikkompeti fil-Havana Club Cocktail Grand Prix f’Kuba

    L-edizzjoni tal-2018 tal-Havana Club Cocktail Grand Prix, waħda mill-eqdem u mill-iżjed kompetizzjonijiet internazzjonali tal-bartenders prestiġjużi, bdiet riċentement.

    It-tema tal-edizzjoni ta’ din is-sena hija "CUBA MODERNA", u qed tħeġġeġ lill-bartenders jispiraw ruħhom mill-ingredjenti u l-kultura Kubana biex joħolqu cocktail modern u innovattiv bil-Havana Club 7 li xi darba jista’ jsib postu maġenb cocktails klassiċi Kubani oħrajn. 

    Matul il-konkors nazzjonali, li sar fis-6 ta’ Marzu f’The Clubhouse/Gianpula Village, 13-il bartender professjonali wrew it-talent u l-ħiliet tagħhom biex jimpressjonaw lill-ġurija u lill-udjenza bil-kreattività u l-cocktails eċċitanti tagħhom.

    “L-istandard ta’ din il-kompetizzjoni kien għoli ħafna,” qal wieħed mill-membri tal-ġurija internazzjonali, Dinos Constantinides, imsieħeb maniġerjali tal-Lost+Found Drinkery f’Nikosija, li hija mniżżla fl-Aqwa 50 Bar tad-Dinja 2017 (World’s 50 Best Bars 2017). “Kien ta’ sodisfazzjon għalija li nkun Malta f’isem il-Havana Club biex niġġudika l-prodotti kreattivi li tħejjew għalina f’din il-lejla.”

    Wara ħin ta’ deliberazzjoni, il-membri tal-ġurija ħabbru lil Artjoms Markovs rebbieħ tal-kompetizzjoni ta’ din is-sena. Artjoms, li jaħdem f’The Thirsty Barber f’San Ġiljan, ikkonvinċa lill-ġurija bil-cocktail innovattiv tiegħu magħmul bil-Havana Club 7, lime, għasel, konċentrat frisk tal-ġinġer u weraq tat-tabakk fil-ġinġer.

    Hu se jirrappreżenta lil Malta fl-edizzjoni finali ta’ din il-kompetizzjoni internazzjonali f’Havana, Kuba, Ġunju li ġej.

    L-avveniment lokali kien organizzat mill-Farsons Beverage Imports Company (FBIC) Limited, importaturi u distributuri tal-Havana Club Rum f’Malta, b’kollaborazzjoni mal-Maltese Bartenders Guild.