Tah daqqa ta’ ponn talli ma tahx €1

    Somalu ta’ 33 sena ntbagħat xahrejn ħabs wara li ammetta li ta’ daqqa ta’ ponn lil persuna oħra Afrikana wara li dan tal-aħħar kien irrifjuta milli jagħtih €1.

    Mustaf Biihi Abdi kien mixli li lbieraħ għall-ħabta tal-5.30 p.m., fi Triq San Ġorġ San Ġiljan, ikkaġuna ferita ħafifa fuq Ali Ahmed Johnson.

    Huwa kien mixli wkoll li f’post pubbliku immolesta lil Johnson biex jitlob il-karità, li b’mod volontarju kiser il-kwiet pubbliku, li għex ħajja ta’ għażż u vagabondaġġ u li sar reċediv.

    L-Ispettur Trevor Micallef spjega lill-Maġistrat Josette Demicoli kif l-imputat mar fuq Johnson u “għax pretenda li hu bħalu” talbu jagħtih €1. Wara li Johnson irrifjuta milli jagħmel dan, l-imputat qabad u tah daqqa ta’ ponn.

    Abdi ammetta għall-akkużi kollha miġjuba fil-konfront tiegħu, bil-Maġistrat Demicoli tikkundannah xahrejn priġunerija. Fl-istess waqt ordnatlu wkoll biex bl-ebda mod ma jersaq lejn Johnson, u dan taħt penali ta’ €1,000.