Trump ikeċċi lil Tillerson... jgħid li jinsab fiduċjuż fis-sostitut tiegħu

    Il-President Amerikan Donald Trump keċċa lis-segretarju tal-istat Rex Tillerson u ħatar bħala sostitut tiegħu lid-Direttur tas-CIA Mike Pompeo.

    Filwaqt li rringrazzjah tax-xogħol li wettaq, fuq Twitter il-President Amerikan qal li s-sostitut tiegħu se jkun qiegħed jagħmel biċċa xogħol tajba ħafna.

    Tillerson ex kap tal-eżekuttiv f’ExxonMobil kien maħtur għal imsemmija kariga ftit aktar minn sena ilu.

    Trump innomina wkoll lil Gina Haspel sabiex issir l-ewwel direttur mara tas-CIA.

    Wieħed mill-uffiċċjali mlaħħqin fil-White House qal li din id-deċiżjoni turi kemm il-President ried jassigura li jkollu tim ġdid qabel it-taħdidiet li l-pajjiż mistenni jkollu mal-Korea ta’ Fuq u diversi negozjazzjonijiet li jinsabu għaddejjin.