Bulgaru jgħid li m'għandnix niġġeneralizzaw kontrihom

    Dan is-sit ħa wkoll il-kummenti ta' Nenko Vidolov, Bulgaru ta' 38 sena li ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 10 snin.

    Vidolov, li għamel żmien imexxi l-kommunita Bulgara f'pajjiżna, saħaq li każijiet individwali bħal dak li seħħ fis-Swieqi m'għandhomx iwasslu lill-Maltin biex jiġġeneralizzaw kontrihom.

    Huwa rrimarka li f'Malta hawn madwar 5,000 Bulgaru u jekk ikun hemm xi ftit li jiksru l-liġi ma jfissirx li l-Bulgari huma kollha l-istess. Vidolov sostna li normalment huma nies kwieti u jaqilgħu inqas problemi minn persuni minn nazzjonalitajiet differenti.

    Fl-istess waqt irrikonoxxa li hemm Maltin li ma jħobbux nies minn pajjiżu u pajjiżi oħra mil-Lvant tal-Ewropa bħar-Rumanija u s-Serbja imma nsista li jiddependi kif persuna tittratta lill-oħrajn għall-mod kif iħarsu lejha.

    Vidolov insista li hemm madwar żewġ miljun Bulgaru mxerrdin madwar id-dinja u normalment huma kapaċi jadattaw għall-ħajja f'pajjiżi oħra inkluż Malta.