Id-Dwana Maltija tagħti sehma b'suċċess f'operazzjoni biex twaqqaf ċirku ta’ kriminalitÓ organizzata

     Id-Dwana Maltija tagħti sehma b'suċċess f'operazzjoni konġunta ma Dwaniet oħra

    Il-koperazzjoni li teżisti bejn id-Dwaniet fuq livell Ewropew għadhom kif waslu għal suċċess fuq skala kbira. F’eżeċizzju mifrux fuq numru ta’ ġimgħat bejn diversi Dwaniet, inkluż dik Maltija, ta riżultat pożittiv hekk kif konsenja ta’ 100 kilo kokaina ġiet interċettata fil-port ta’ Rijeka, il-Kroazja biex b’hekk tkisser ċirku ta’ kriminalita’ organizzata. Fl-operazzjoni kienu involuti d-Dwana Franċiża, id-Dwana Spanjola, id-Dwana Maltija kif ukoll id-Dwana u l-Pulizija Kroata.

    Għal numru ta’ ġimgħat, container mimli metal scrap, li kien fi triqtu minn pajjiz fl-Amerika t’Isfel lejn l-Ewropa, kien qiegħed jiġi osservat u hekk kif wasal fil-port ta’ Algeciras, fi Spanja, ittieħdet deċiżjoni li tinżamm sorveljanza stretta fuqu sakemm jasal Malta. Fil-waqfa qasira tiegħu f’Malta, id-Dwana Maltija, permezz tal-apparat ġdid tagħha, ħadet scan tal-container u irriżulta li kellhu partijiet ta’ interess minħabba kontenut li deher suspettuż.

    Wara konsultazzjoni bejn il-partijiet, u minħabba li kien hemm interess kbir li jinqabdu r-riċevituri tal-kontenut, ġie deċiż li d-Dwana Maltija, minflok tagħmel eżami fiżiku tal-kontenut hawn Malta, tieħu l-miżuri kollha neċessarji ta’ segretezza u sigurta’, tibgħat l-images tal-iscans f’Rijeka, u tirrilaxxa l-container taħt sorveljanza stretta biex jitwassal intatt f’idejn id-Dwana Kroata.

    Minn eżami fiżiku li sar fuq il-partijiet ta’ interessindikati, instabu 100 kilogramm kokaina li kienu moħbija fi strutturi tal-ħadid. Fis-6 ta’ Marzu sar ir-rilaxx tal-container li baqa’ jiġi segwit sakemm il-Pulizija Kroata intervjeniethu f’Zagreb, fejn ġew arrestati 9 persuni: 6 Kroati, Olandiż, Spanjol, Kolumbjan u persuna mill-Bosnia-Herzegovina. L-investigazzjonijiet komplew jitwessgħu u issa anki daħlu l-Pulizija ta’ Slovenja, il-Ġermanja u l-Olanda.