L-għoti tad-demm f’Jum San Valentinu

    Is-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva organizza inizjattiva sabiex jingħataw id-donazzjonijiet tad-demm fil-jum iddedikat lil San Valentinu. L-għan prinċipali ta’ din l-inizjattiva kien sabiex il-poplu jiġi mħeġġeġ jesprimi l-imħabba billi jagħti d-demm. Ilkoll nafu kemm huwa importanti dan ir-riżors, u li finalment jiddependi mill-qalb ġeneruża tal-Maltin. B’hekk, dan il-ġest żgħir għandu l-potenzjal li jagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ ħaddieħor. 

    Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis saħaq li d-domanda għall-għoti tad-demm hija kbira, u li lkoll nistgħu niġu fil-bżonn. Huwa ħeġġeġ lil kull min hu b’saħħtu sabiex jingħaqad ma’ grupp ta’ ħbieb jew membri tal-familja u flimkien magħhom imur saċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fi Pjazza San Luqa, Gwardamanġa, u jagħmel dan il-ġest sabiħ. L-impjegati huma professjonali, u ddedikati li jgħinu u jneħħu kull biżà li tista’ taħkem lid-donaturi.

    Is-Segretarju Parlamentari qal li dawk li jagħmlu dan il-ġest ġeneruż joħorġu sodisfatti immens b’għemilhom, u li jixtieq li flimkien nagħtu l-isbaħ forma ta’ rigal—dak tal-għoti dad-demm—kemm f’Jum San Valentinu, kif ukoll matul il-bqija tas-sena.