Seba' xhur ħabs wara li seraq €10 minn karozza

    Żagħżugħ ta' 29 sena kien ikkundannat seba' xhur ħabs wara li nstab ħati li kisser ħġieġa ta' karozza u seraq €10 mill-handbag li kien hemm fiha.

    Allan Pace kien mixli li fis-7 ta' Novembru 2014, għall-ħabta tat-2.45 p.m., seraq il-handbag ta' Francesca Saliba u li kissrilha l-ħġieġa tal-Hyundai.

    Saliba spjegat lill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit kif dakinhar marret tiġbor lit-tifla tagħha mill-iskola.

    Kif kienet qed tirritorna lejn il-karozza lemħet raġel ħdejha fejn dan qalilha li ftit qabel raġel ieħor kien kissrilha l-ħġieġa u ħadilha xi flus mill-baskett.

    Il-ħalliel tefa l-handbag fil-karozza, telaq jiġri u rikeb f'karozza misjuqa minn persuna oħra. Ir-raġel informa lill-Pulizija bin-numru tar-reġistrazzjoni ta' din il-karozza.

    Il-mara qalet li nsterqulha €10 u ippreżentat stima tal-ħsara fil-karozza fl-ammont ta' €83.

    Jacob Borg, li ra s-serqa, xehed li ra raġel ħiereġ minn karozza ta' lewn blu li kisser il-ħġieġa ta' vettura oħra, ħa l-handbag u mbagħad poġġih lura. Huwa għaraf lill-akkużat bħala dan ir-raġel.

    Stephen Cachia, rappreżentant ta' Transport Malta, xehed li l-karozza bin-numru tar-reġistrazzjoni li ħa Borg wara s-serqa kienet ta' Pace.

    L-imsemmija maġistrat awtorizzat li jsir rapport dwar l-akkużat fejn irriżulta li għalkemm kien qiegħed f'relazzjoni stabbli u għandu impjieg ma għamel xejn biex juri li verament biddel ħajtu u lanqas ħallas għall-ħsarat li wettaq.

    Il-Maġistrat Stafrace Zammit qalet li veru li l-ammont misruq kien wieħed żgħir imma l-fatt li tkissret ħġieġa fil-karozza jagħmel ir-reat iktar gravi.

    Hija rrimarkat ukoll li Pace għandu kondotta “ikkulurita” u sostniet li hija ħasra għax ma qabadx triq ħażina minħabba xi vizzju imma minħabba kumpanija ħażina.

    Il-prosekuzzjoni f'dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef.