It-turiżmu “vettura ekonomika għall-paċi fil-Mediterran” … Iffirmat ftehim bejn il-Fondazzjoni Mediterranja għat-Turiżmu u l-Unjoni tal-Mediterran

    “Bi proġetti speċifiċi u konkreti, qiegħdin naraw kif it-turiżmu jista jkun il-vettura għal iktar paċi fir-reġjun Ewro-Mediterran kollu.” Tenniet dan il-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca, hekk kif ospitat u kienet preżenti għal memorandum ta’ qbil bejn il-Fondazzjoni Mediterranja għat-Turiżmu (MTF) u l-Unjoni tal-Mediterran (UfM).

    “Dan il-ftehim huwa bejn żewġ organizazzjonijiet li għandhom spirtu ta’ kooperazzjoni ekonomika li twassal għall-paċi, li tagħti id-dinjita’ lil kulħadd u li tlaqqa’ flimkien il-pajjiżi differenti… Din il-kollaborazzjoni qiegħda titfa’ lenti fuq l-impenn taż-żewġ naħat biex is-settur turistiku ikun kapaċi jiżra’ l-paċi, hekk kif dan is-settur huwa idejali għal kooperazzjoni reġjonali u djalogu iktar apert fir-reġjun Ewro-Mediterranju.”

    Dan il-ftehim bejn iż-żewġ għaqdiet innieda pjann t’azzjoni li sejjer juża s-saħħa u l-potenzjal tas-settur turistiku biex javvanza żvilupp ekonomiku sostenibbli, inklussivita’ soċjali, numru ikbar ta’ impjiegi b’kundizzjonijiet tajbin, u tisħiħ tad-drittijiet tan-nisa u taż-żgħażagħ: Grazzi għal dan kollu, il-proġett jista jwassal għal iktar xogħol u tnaqqis fir-rata ta’ faqar eżistenti fir-reġjun Mediterranju kollu.

    Is-Segretarju Ġenerali tal-MTF,  is-Sur Andrew Agius Muscat, tenna li l-industrija tat-turiżmu għandha waħda mill-ikbar rati ta’ użu ta’ enerġija fost is-setturi ekonomiċi kollha. “Għal dan il-għan u grazzi ta’ dan il-ftehim, sejrin noħorġu proġett bħala simbolu ta’ effiċjenza fil-Mediterran: irridu naqsmu x-xogħol, l-informazzjoni u l-esperjenza li għandhom is-setturi u r-reġjunijiet differenti, nosservaw l-aħjar prattiċi eżistenti fil-pajjiżi differenti u nxerrduhom ma’ xulxin.”

    “Soluzzjonijiet Reġjonali Għal Problemi Reġjonali”

    Intant f’kumment dirett lil din il-gazzetta, is-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni tal-Mediterran Fathallah Sijilmassi ddeskriva kif  “is-settur turistiku huwa dimensjoni importanti biex ngħinu l-ġid tar-reġjun, għaliex qiegħed jgħinna ngħaqqdu l-orjentazzjoni politika prinċipali ta’ paċi, stabbilta’ u żvilupp ma’ inizjattivi prattiċi li jwasslu għal riżultati b’saħħithom.”

    “L-Unjoni tal-Mediterran hija organizazzjoni li tirrapreżenta 28 pajjiż tal-Unjoni Ewropeja, kif ukoll ħmistax il-pajjiż differenti mill-bqija tar-reġjun Ewro-Mediterranju. L-oġġettiv ta’ din l-organizazzjoni hija kooperazzjoni reġjonali, għaliex ir-reġjun qiegħed jaffaċċja ostakli li qiegħdin jolqtu lir-reġjun kollu, u aħna nemmnu għal problemi reġjunali, hemm bżonn soluzzjonijiet reġjonali, u għalhekk din l-organizazzjoni qiegħda temfasiżza tlett affarijiet: Djalogu, Kooperazzjoni u Azzjoni.”

    Skont l-istess Sijilmassi, l-industrija tat-turiżmu “huwa kollu kemm hu bbażat fuq il-mobbilta’, il-ftehim reċiproku u l-wirt komuni storiku: huwa settur li verament jinkorpora l-prinċipji ta’ sħubija. Jiena ma narax settur aħjar li jista jiffoka u jgħin din l-idea għal sħubija b’saħħitha bejn l-Ewropa u l-pajjiżi fir-reġjun tal-Mediterran. Nemmnu li t-turiżmu huwa vejikolu b’saħħtu biex nimplimentaw proġetti t’għajnuna effettiva: is-settur turistiku huwa wieħed li għandu potenzjal kbir ta’ tkabbir, u għandu kapaċita’ li jkun aċċeleratur għall-iżvilupp ekonomiku, kemm lokali kif ukoll reġjonali.”