Showroom mitluqa f'Malta tispiċċa fl-aħbarijiet barra

    Showroom tal-karozzi fil-Mosta spiċċat fuq l-aħbarijiet tar-Renju Unit li qed jirrappurtaw kif fih hemm diversi mudelli tas-Subaru ta' valur fosthom waħda sportiva li tista' tkun l-aħħar waħda tax-xorta tagħha f'kundizzjoni ġdida.

    Ix-showroom kienet f'idejn dak li kien l-unika aġent tal-kumpanija tal-karozzi Ġappuniża imma ma baqgħetx tintuża wara li diżgwid familjari wassal biex kien hemm ħaddieħor li beda jġib il-mudelli oriġinali tas-Subaru.

    Issa x-showroom ilha mitluqa għal diversi snin u dan il-fatt ma naqasx milli jattira l-attenzjoni tas-siti magħrufa Daily Mail u The Sun.

    It-tnejn li huma jikkwotaw lis-sit carsaddiction.com jgħid li fix-showroom hemm dawk li huwa jiddeskrivi bħala “hidden gems” u jsostni li ħafna mill-karozzi għandhom 'mileage' viċin iż-żero.

    Huwa jsostni li l-iktar djamant fix-showroom hija Subaru XT Turbo li kienet imnedija fl-1985 fejn isostni li l-aħħar mudell li ġiet prodott kien fl-1991 u għalhekk tista' tkun l-aħħar waħda tat-tip tagħha li għadha ġdida.

    L-istess żewġ siti jgħidu li fl-istess waqt hemm min qed jistaqsi kemm verament x-showroom hija abbandunata għal kollox peress li nnutaw li t-tajers ma kienux imniżżlin u li fil-binja kien hemm pjanti ħajjin.

    Minbarra ritratti tax-showroom minn barra u minn ġew, id-Daily Mail u The Sun ippubblikaw anke filmat tal-binja li tinsab fid-daħla tal-Mosta min-naħa ta' fejn hemm il-grawnd tal-futbol.