Xita ta' ġenerożità mal-familja ta' Dan Udrea … tinġabar id-doppju tas-somma biex il-katavru jintbagħat ir-Rumanija

    Ir-Rumen li tilef ħajtu traġikament wara li siġra waqt fuq il-karozza li kien fiha hu u martu se jintbagħat lura pajjiżu wara li l-famija rnexxielha tiġbor is-somma li kien hemm bżonn għall-funeral.

    Dan Udrea, ta' 38 sena, kien qed isuq il-vann tat-tip Nissan b'martu Irina ħdejh meta waqt li kienu għaddejjin mill-Imrieħel is-siġra waqgħet fuq il-vann.

    Ir-raġel kien ċertifikat mejjet fuq il-post mentri martu, li għandha 32 sena, iddaħlet fl-Isptar Mater Dei fil-periklu tal-mewt imma qalbet għall-aħjar anke jekk għadha qed issofri minn ġrieħi gravi f'rasha.

    Kienet ix-xewqa tagħha li huwa jindifen f'pajjiżhom imma minħabba l-ispiża biex il-katavru jintbagħat bl-ajruplan il-familja tar-raġel bdiet tappella għall-għajnuna finanzjarja.

    Huma rrikorrew għas-sit GoFundMe li jagħmilha possibbli li persuna tibda tiġbor flus għal xi kawża. F'jumejn kienu madwar 215 li ġabru $10,620, ekwivalenti għal €8,618, meta l-mira kienet li jinġabru $20,000.

    Bosta minn dawk li taw id-donazzjonijiet kienu Maltin u Rumeni bix-xita ta' ġenerożita twassal biex f'temp ta' jumejn il-famija rnexxielha tiġbor id-doppju tal-mira.

    Sit ieħor li fuq bdew jinġabru l-flus għall-famija kien YouCaring fejn f'jumejn inġabru €4,584 meta l-mira kienet li jinġabru €2,500.

    Anke l-President ta' Malta Marie-Louise Coleiro Preca intervjeniet fejn anke ikkuntattja lil Irina u anke nfurmatha li l-Malta Community Chest Fund kienet se tagħtihom €2,000.

    Flus oħra nġabru mill-istaff tad-Dipartiment tal-Aċċidenti u l-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei.

    Min-naħa tagħha, l-Airmalta ħabbret li kienet se twassal it-tebut bil-katavru tiegħu mingħajr ma żżom ħlas lill-familja.

    Dan u Irina kienu ilhom jgħixu Malta għal dawn l-aħħar seba' snin fejn ġew Malta ma' ommu. Il-koppja kellha żewġ subien, Edy ta' tliet snin u Oli ta' sitt xhur. Fil-ħin tal-inċident it-tfal kienu ma' ommu.

    Fuq l-imsemmi sit, familjari tal-koppja qalu li ġew Malta biex ifittxu ħajja aħjar u rnexxielhom isibuha għax kellhom xogħol li kienu kuntenti fih u kienu qed jippjanaw li jgħixu hawn għal dejjem.

    Id-destin ried mod ieħor u t-telfa ta' Dan mhux biss nisslet dwejjaq f'martu, ommu, qraba oħra u t-tifel il-kbir imma anke f'Rumeni oħra li jgħixu Malta u Maltin li kienu ħbieb tiegħu nkluż dawk li kienu jaħdmu miegħu fil-Connect Express Couriers.

    Fuq il-profil ta' Facebook dedikat għar-Rumeni li jgħixu f'Malta wkoll sar appell għall-għajnuna finanzjarja b'diversi minnhom iħallu n-numru tat-telefon ċellulari għal dawk li riedu jikkuntattjawhom biex jagħtu xi flus.

    Ma naqasx ukoll li fuq l-istess sit soċjali komplew deħlin aktar messaġġi ta' kondoljanzi u kuraġġi lill-familja Udrea.