Ħadd ma ġie ferut f’argument fl-Isptar Monte Carmeli

    Il-Ministeru għas-Saħħa għamel referenza għal rapporti li dehru f'xi sezzjonijiet tal-media dwar inċident li seħħ ilbieraħ f'Monte Karmeli, li qal li dawn kienu żbaljati.

    “Il-managment tal-Isptar Monte Carmeli jiċħad rapport fuq netnews u Lovin Malta. Aktar kmieni lbieraħ seħħ argument bejn pazjenti rikoverati fis-sala 8B. F'dan l-argument ma kinux involuti infermiera u carers, u ħadd ma ġie ferut.”

    Il-Ministeru qal li l-argument ġie kkontrollat f'ħin qasir mill-istaff tal-istess sptar. “Mhux minnu lanqas li kien hemm xi swali fl-Isptar Monte Carmeli li ġew magħluqa.”

    “Ir-rapport fuq Lovin Malta qiegħed jgħid ukoll li waqt dan l-argument ħarab pazjent mill-Isptar Monte Carmeli. Il-verità hi li pazjent, li kellu l-permessi neċessarji biex joħroġ mill-Isptar Monte Carmeli biex jagħmel il-qadi tiegħu personali, baqa' ma rritornax lura lejn l-isptar. Sadanittant fuq dan il-każ sar rapport fl-għassa tal-Ħamrun,” temm jgħid il-Ministeru għas-Saħħa.