Storja vvintata tiswih €43,350

    Raġel li talab €43,350 lil ieħor għax qallu li ried iġib familjari mill-Awstralja kien ordnat jagħtih lura din is-somma wara li rriżulta li gidiblu.

    Paul Sant fetaħ il-kawża fil-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili kontra Stephen Muscat  fejn spjega lill-Imħallef Anna Felice kif huwa ntalab diversi somom ta' flus għal diversi raġunijiet fosthom biex jixtri biljett tal-ajru għal membri tal-familja li jgħixu l-Awstralja.

    B'kollox huwa silfu l-imsemmija somma li kien faddal matul is-snin u għalkemm talbu jroddhomlu lura Muscat baqa' ma għamilx dan.

    Muscat ġie avżat biex jidher fil-kawża ħalli jwieġeb dwar dak li qal Sant imma dan baqa' ma weġibx.

    Kien għalhekk li l-Imħallef Felicie qatetha li t-talba ta' Sant kienet ġustifikata u ordnat lil Muscat iroddlu s-somma li sellfu.