Qalilha li ried iqattagħha biċċiet u jarmiha l-baħar

    Il-Qorti tal-Familja ordnat is-separazzjoni personali bejn koppja, magħmula minn Maltija u Tuneżin, wara li semgħet kif il-mara qattgħet snin sħaħ tbati fis-silenzju peress li kienet tibża mit-theddid ta’ żewġha u li saħansitra f’okkażjoni partikolari kien ħadha f’mogħdija fix-xifer tal-blat, għamlilha s-sikkina ma għonqha, ġiegħla tinża ħwejjiġha u qalilha li ried iqattagħha biċċiet u jarmiha l-baħar.

    Il-koppja żżewġu fl-2008 fit-Tuneżija u ftit wara ż-żwieġ kien irreġistrat f’Malta. Minn dan iż-żwieġ, il-koppja ma kellhomx tfal.

    Il-mara, li hi 20 sena ikbar minnu fl-età, ppreżentat fil-Qorti tal-Familja affidavit estensiv u dettaljat dwar il-konvivenza diffiċli ta’ sofferenza kontinwa minn żewġha. 

    Hi ddeskrivietu bħala bniedem egoist u rresponsabbli, vvizzjat bix-xorb u tipjip eżaġerat, bil-vizzju tal-logħob tal-azzard u kien kontinwament vjolenti u abbużiv magħha.

    Il-mara rrakkontat diversi episodji fil-ħajja matrimonjali tagħhom u semmiet kif żewġha ma kienx iħalliha toħroġ biex ma tarahx jixrob u meta kienet toħroġ kemm-il darba kien refa’ jdejh fuqha u anke kissrilha l-mowbajl.

    Hija qalet li r-raġel qatt ma kien jagħtiha flus u kienet tħallas kollox hi. Kien ukoll jagħmel id-djun, jitlef ix-xogħol b’negliġenza tiegħu u kien jippretendi minnha €20 jew €30 kuljum biex joħroġ.

    Qalet ukoll li kellha ċċedi għat-theddid tiegħu, biegħhet id-deheb u bil-flus mar iħallas id-dejn tiegħu.

    Spjegat li darba fost l-oħrajn kien sawwatha waqt li kien qed jixrob f’ħanut fil-Qajjenza. Hi qabditu f’gidba għax qalilha li kien Buġibba u allegat li beda jagħtiha bil-ħarta kif ġie ġie, qasmilha xufftejha, kissrilha n-nuċċali, xejrilha daqtejn ta’ sieq taħt żaqqha u spiċċat b’ħafna tbenġil u tiċrita fit-tambur ta’ widintha l-leminija.

    F’okkażjoni oħra, ir-raġel irritorna lura d-dar tard bil-lejl xurban u rrabja meta sab li martu kienet għadha fil-kċina. Hi qalet li  kien taha daqqa ta’ ponn fuq mneħiriha u daqqa ta’ sieq fuq ġembha tal-lemin. Ħadet x-ray u sabu li kellha kustilja miksura u ħafna tbenġil. Dwar dan marret tagħmel rapport l-Għassa u damet tliet ġimgħat fis-sodda. 

    Kien hemm ukoll inċident ieħor fejn wara li damet tistennih għal aktar minn sagħtejn, marret fil-karozza u meta raha, ir-raġel daħħal rasu mit-tieqa u battal flixkun tal-birra fuq wiċċha.

    Mifxula ħarġet mill-karozza, lwiet sieqha u waqgħet taħt il-bankina. Il-mara qalet li meta marret id-dar ratu rrabjat ħafna, faqa’ l-bieb tal-kamra tal-banju b’daqqa ta’ ponn, għeżżeż is-sink u kisser il-madum tal-ħajt. 

    Il-Qorti tal-Familja, preseduta mill-Imħallef Robert G. Mangion, bla eżitazzjoni ddikjarat li l-aġir vjolenti u abbuż tar-raġel fil-konfront ta’ martu, “rrenda l-konvivenza tal-partijiet impossibbli u intollerabbli.” 

    Il-Qorti nnotat kif filwaqt li l-mara taħdem fultajm, ir-raġel kien jaħdem saltwarjament billi kien spiss ifalli x-xogħol minħabba l-vizzju tax-xorb u jispiċċa jitkeċċa. 

    “Kien qed jgħix minn fuq il-mara, jonfoq kull sold li jkollu fix-xorb u meta ma jkollux flus jesiġihom mingħandha, li tirrakkonta diversi inċidenti ta’ vjolenza proprju għalhekk.”

    Kien għal dawn ir-raġunijiet li t-talba tal-mara għas-separazzjoni personali bejn il-partijiet kienet milqugħa mill-Qorti.