Trump japprova l-produzzjoni tal-ajruplan “Iben il-Concorde” … Minn Londra għal New York fi 3 sigħat biss!

    Ġenerazzjoni ġdida ta’ ajruplani supersoniċi hemm ċans kbir li jsiru realtà wara li l-President Amerikan Donald Trump approva pjani għal ajruplan imlaqqam “iben il-Concorde”. L-ajruplan, propost min-Nasa, qed jimmira li jxejjen l-istorbju tas-sonic boom li kienet tinstema’ fuq il-bliet fi żmien il-Concorde meta kien qed jivvjaġġa b’veloċità ta’ 1,100 mil fis-siegħa.

    Jekk il-produzzjoni tal-ajruplan timxi mal-pjani, allura l-ajruplan mistenni li jagħmel l-ewwel titjira tiegħu fl-2021, u esperti fl-avjazzjoni qed jikkalkulaw li se jkun qed inaqqas il-ħin tat-titjira bejn Londra u New York bin-nofs, għal tliet sigħat biss.

    Il-viżjoni tan-Nasa kienet approvata fl-aħħar baġit Amerikan, bl-aġenzija spazjali jkollha baġit ta’ $19.9 biljun allokat, $500 miljun aktar minn dak allokat matul is-sena preċedenti. S’issa għadu mhux magħruf kemm se jkunu l-fondi li se jkunu qed jintefqu fuq il-proġett. Madankollu n-Nasa hija fiduċjuża li l-ewwel titjiriet ta’ prova se jkunu qed jiżvolġu fi żmien tliet snin.