George Vella jiċħad rapport tal-BBC … jiddeskrivi spekulazzjoni li se jkun involut fl-għażla tas-suċċessur tar-Reġina bħala Kap tal-Commonwealth

    L-eks-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella xejjen rapport imxandar mill-BBC li l-grupp li qed jiddiskuti l-futur tal-Commonwealth u li tiegħu huwa membru qed jiddiskutu min se jkun il-Kap tal-Commonwealth minflok ir-Reġina Elizabetta II.

    Ikkuntattjat minn dan il-ġurnal qabel bdiet il-laqgħa tal-'high level group', it-Tabib Vella sostna li huma kienu se jiddiskutu fejn trid tmur il-Commonwealth imma min se jilħaq flok ir-Reġina la kienet fuq l-aġenda u lanqas hija kompetenza tagħhom

    Il-grupp huwa mmexxi mill-eks-President tal-Kiribati, Anote Tong, bħala ċermen u jinkludi wkoll lil Lord David Howell, eks-ministru Ingliż responsabbli mill-enerġija; Louise Frechette, eks-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda; Rober Hill, eks-Ministru tad-Difiża Awstraljan; id-Dama Billi Miller, eks-Deputat Prim Ministru tal-Barbados u Ngozi Okonjo-Iweala, eks-Ministru tal-Finanzi tan-Niġerja.

    Huma qed jiltaqgħu f'Marlborough House, Londra, li hija l-binja f'Londra li sservi bħala l-uffiċċju tal-Commonwealth bit-Tabib Vella jiddeskrivi bħala “spekulazzjoni” ir-rapport fil-BBC li se jkollhom “taħdidiet sigrieti” dwar is-suċċessur tar-Reġina bħala Kap tal-Commonwealth.

    Il-Commonwealth twaqqaf fl-1931 u jiġbor fi ħdanu 53 pajjiż li kienu jagħmlu parti mill-Imperu Ingliż u li fihom jgħixu 2.4 biljun persuna. Ir-Reġina Eliżabetta II, li tmexxih, għandha 92 sena u r-rwol ta' Kap tal-Commonwealth mhux ereditarju u għalhekk mal-mewt tagħha mhux se jgħaddi għand il-Prinċep Charles kif mistenni jgħaddi t-Tron Ingliż.