FA Franċiża ser tinvestiga l-allegat każ ta' razziżmu ta' Mario Balotelli

    L-FA Franċiża kkonfermat li ser tinvestiga l-allegazzjoni ta' Mario Balotelli li safa abbużat verbalment b'mod razzjali fit-telfa ta' Nice bl-iskor ta' 3-2 kontra Dijon.

    Il-player internazzjonali Taljan poġġa subgħajh fuq xofftu biex issikket lill-partitarji ta' Dijon u wara lmenta mar-referee, Nicolas Rainville.  L-uffiċjal tal-logħba kien pront ħareġ il-karta safra, liema azzjoni ġabet il-kundanna ta' diversi kritiċi madwar id-dinja.

    L-ilment ta' Balotelli ser jiġi eżaminat nhar il-Ħamis fejn ser jiġu evalwati r-rapport tar-referee u tad-delegat.

    Id-direttur eżekuttiv ta' “Football Against Racism in Europe”, Piara Powar, stqarr li "l-Kampjonat Franċiż huwa l-aktar wieħed divers fl-Ewropa, għalhekk wieħed kien jistenna li r-referees jifhmu u  jagixxu  b'mod serju meta jirċievu lment minn player dwar razziżmu. Mario Balotelli immissu jingħata aktar protezzjoni mir-referees u mill-uffiċjali tal-stadium u mhux karta safra meta jiġbed l-attenzjoni tar-referees."