Il-Greċja mheżża minn skandlu ta' tixħim fil-politika “fuq skala industrijali”

    Il-Prim ministru Grieg, Alexis Tsipras, talab lill-Parlament Grieg biex jinvestiga jekk tnejn mill-predeċessuri tiegħu u tmien eks-ministri aċċettawx flus b’tixħim mill-kumpanija tal-farmaċewtika Żvizzera Novartis. Dan wara li allegazzjonijiet ta’ tixħim fuq skala industrijali li jinvolvu lil numru ta’ politiċi veterani heżżu lill-pajjiż.

    L-eks-Prim ministri Antonis Samaras u Panagiotis Pikrammenos, rispettivament il-gvernatur tal-Bank tal-Greċja u l-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni, kienu identifikati bħala l-allegati benefiċjarji ta’ tixħim minn prosekuturi ta’ kontra l-korruzzjoni. Huma kienu assistiti fl-investigazzjonijiet tagħhom mill-awtoritajiet Amerikani.

    Il-kumpanija tal-farmaċewtika Novartis allegatament xaħħmet politiċi biex japprovaw kuntratti ferm ogħla mill-valur tas-suq  lil eluf ta’ tobba bħala parti mill-isforzi tagħhom biex iżidu l-bejgħ bejn l-2006 u l-2015.

    Dawn l-allegazzjonijiet heżżew lill-pajjiż sħiħ, fejn kien anke żvelat li l-allegat tixħim kien jaqbeż il-€50 miljun, u kaġun ta’ dan is-sistema tas-saħħa pubblika Griega daħlet fi spejjeż ta’ aktar minn €4 biljun.

    Id-Deputat Ministru għall-Ġustizzja, Dimitris Papangelopoulos, qal li dan huwa l-akbar skandlu li laqat lill-istat Grieg.

    Tsipras min-naħa tiegħu wiegħed li ma kien se jippermetti li ssir l-ebda cover-up, u kien se jagħmel użu minn kull poter mogħti lilu mil-liġijiet nazzjonali u anke dawk internazzjonali biex jirkupra lura l-flus li nsterqu lill-poplu Grieg.