Maltco Lotteries u GO jestendu ftehim ta’ kooperazzjoni

      

    Il-Ħamis, 12 ta’ Frar 2018, Malta - Maltco Lotteries u GO plc. iffirmaw ftehim ġdid ta’ koperazzjoni li permezz tiegħu Maltco se tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala waħda mill-aqwa fornituri ta’ pjattaformi tal-lotteriji diġitali fl-industrija. Il-ftehim, fil-fatt, jagħti lill-Maltco Lotteries l-opportunità li tuża l-aqwa teknoloġiji u pjattaformi mill-parent company Intralot, il-kumpanija ewlenija fit-teknoloġiji tal-lotteriji fid-dinja. 

    Hekk kif id-domanda tal-klijenti għall-pjattaformi tal-logħob diġitali qed tevolvi u tiżdied, dawn jeħtieġu teknoloġiji b’saħħithom u affidabbli, kif ukoll konnettività aktar veloċi. Permezz tan-netwerk b'saħħtu, GO ser tappoġġja lil Maltco biex toffri prodotti u servizzi aħjar fosthom lotteriji nazzjonali, imħatri fuq l-isports u logħob ieħor fil-portafoll wiesa' tagħha, għal għexieren ta’ eluf ta' utenti. 

    Dan il-ftehim estiż se jtejjeb ukoll l-operazzjonijiet u s-servizzi ta’ Maltco offruti lill-aġenti tagħha billi jżid il-veloċitajiet tan-netwerk, jikkonsolida aspetti ta' sigurtà, isostni disponibbiltà għolja u jipprovdi bażi soda għal inizjattivi kummerċjali futuri u tkabbir fis-suq Malti.

    Il-Kap Eżekuttiv ta’ GO plc. Attila Keszeg qal, “Dan il-ftehim importanti bejn il-GO u  Maltco Lotteries hu prova ulterjuri tal-kapaċità ta’ GO li tipprovdi konnettività veloċi, sigura u affidabbli għal negozji b'domanda għolja. Bħala operatur fis-settur tal-logħob, Maltco teħtieġ ukoll livell ta' sigurtà u rappurtaġġ li jeċċedi dak ta’ ħafna negozji oħra. B’dan il-ħsieb, mhux biss qed nimpenjaw ruħna li nwasslu l-aħjar infrastruttura possibbli, imma li ukoll noffru ftehim ta’ livell ta' servizz ferm ogħla mill-istandards tal-industrija.”

    Il-Kap Eżekuttiv ta’ Maltco Lotteries Vasileios Kasiotakis qal li Maltco Lotteries kienu pprovduti b’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mill-aqwa li jinkludu l-konnettività tan-netwerk POS, multicast content streaming, kif ukoll bosta GO Managed Services li huma kruċjali għat-tmexxija tal-operat tal-organizzazzjoni. Bħala riżultat tal-impenn muri minn GO, iż-żewġ kumpaniji aċċettaw li jidħlu f'kuntratt ta' servizz imġedded.

    Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jibgħat imejl lil info@maltco.net, iżur is-sit ta’ Maltco www.maltco.com jew iċempel fuq in-numru 2388 3000.