Ried jaċċettah b'ibnu sakemm skopra li ta' karnaġġjon skur

    Raġel li skopra li martu ħarġet tqila wara li wettqet adulterju kien lest jikkunsidra t-tarbija bħala t-tifel tiegħu, sakemm sar jaf li dan kien se jkollu karnoġġjon skur. Din is-sitwazzjoni nisslet kriżi fiż-żwieġ tagħhom tant li wasslithom għas-separazzjoni bil-konsegwenza li kellu jirrikorri għal proċeduri legali biex ma jibqax jidher bħala missier it-tifel. 

    Il-koppja kien ilhom miżżewġin madwar 20 sena u minkejja kull tentattiv, anke bl-għajnuna ta' trattamenti mediċi, ma setax ikollhom tfal. Ġe żmien fejn il-mara bdiet tħossha mhux f'sikkitha u bdiet iġġib ruħha b'mod stramb fil-konfront ta' żewġha u tħassar l-appuntamenti li kien ikollhom flimkien anke biex isiefru. 

    X'ħin ra din il-bidla fl-atteġġjament tagħha lejh, ir-raġel talabha biex jitkellmu u kien hawn fejn ammettiet miegħu li kellha relazzjoni ma' raġel ieħor barrani u li kellha x'taqsam miegħu b'mod intimu. Qaltlu wkoll li kienet tqila u li t-tarbija ma setgħetx kienet tiegħu għaliex ġiet ikkonċepita fi żmien meta huwa kien imsiefer.  

    Żewġha fil-bidu kien qalilha biex ma jgħidu lil ħadd b'dak li ġara u li kien lest li jikkunsidra t-tarbija bħala t-tifel tiegħu. Iżda hija weġbitu li dan ma kienx possibbli minħabba li r-raġel li kellha x'taqsam miegħu huwa ta' karnoġġjon skur. Għalhekk it-tarbija x'aktarx li kien se jkollha karnoġġjon skur ukoll. 

    Eventwalment dan wassal għal kriżi fiż-żwieġ tagħhom, tant li sseparaw fi ftit xhur u qabel ma welldet. Minkejja dan, meta twieldet it-tarbija xorta ġiet irreġistrata bħala iben żewġ ommha minħabba li meta ġiet imnissla, il-koppja kien għadhom legalment miżżewġin. 

    Il-mara qatt ma talbet lir-raġel biex jgħinha fit-tħejjijiet li kienet qed tagħmel għat-twelid tat-tarbija jew xi tip ta' manteniment għall-futur tat-tifel. L-isem tiegħu għażlitu waħidha u ma nvolvietu f'xejn f'dak li jikkonċerna t-tarbija. B'hekk ir-raġel ħass li kienet ċerta mill-ewwel li t-tarbija ma kenitx tiegħu u sussegwentement dan kien ikkonfermat mit-testijiet tad-DNA. 

    Fid-dawl ta' dan, ir-raġel kellu jirrikorri għal proċeduri quddiem il-Qorti tal-Familja biex jiċħad il-paternità tat-tifel u biex dan ma jibqax irreġistrat bħala ibnu għax mhuwiex il-wild naturali u bijoloġiku tiegħu. Din t-talba ntlaqgħet u għalhekk il-Qorti ordnat lid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku biex isem ir-raġel jitneħħa miċ-ċertifikat tat-twelid, u minflok it-tifel jiġi indikat bħala iben missier mhux magħruf. Dan sar minħabba li l-omm ma urietx interess li tiżvela l-isem tal-missier naturali f'dan l-istadju u għaldaqstant lanqas ma talbet biex il-partikolaritajiet tiegħu jitniżżlu fiċ-ċertifikat tat-twelid ta' binha biex ikun juri min hu missieru.