“Dixxendent ta’ Gaddafi” jipprova jaħrab mill-Qorti … għamilha tabirruħu li kien qed jitfa’ hand-grenade fid-direzzjoni tal-Ambaxxata Franċiża

    Raġel li saħaq li “huwa dixxendent tal-eks mexxej Libjan Muammar Gaddafi” baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv, wara li nhar il-Ġimgħa li għadda għamilha tabirruħu li kien qed jitfa’ hand-grenade lejn l-Ambaxxata Franċiża u weġġa’ kuntistabbli tal-Pulizija. 

    Aimen Mohammed Abdallah Ali ta’ 38 sena, kien mixli li fera pulizija mara, li ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija, li rrifjuta milli jagħti d-dettalji tiegħu, kiser il-paċi pubblika u li għex ħajja ta’ vagabondaġġ.

    L-Ispettur Priscilla Caruana Lee, qalet li r-raġel deher jaġixxi b’mod stramb jiem qabel seħħ l-inċident u deher jagħmilha tabirruħu li kien qed jitfa “hand-grande” lejn l-Ambaxxata Franċiża fi Triq Melita fil-Belt Valletta. 

    Kompliet tispjega li meta l-Kuntistabbli talbietu biex jieqaf u jikkalma, ir-raġel attakkaha, kisrilha wieħed mis-swaba u ħarab jiġri minn fuq il-post. Hu kien arrestat ftit tal-ħin wara, ftit passi ‘l bogħod mill-Ambaxxata. 

    Ftit qabel ma beda jinstema’ l-każ tiegħu, l-imputat imbutta żewġ Pulizija u pprova jaħrab mill-awla tal-Qorti. Iżda numru ta’ uffiċċjali tal-Pulizija niżżluh mal-art fil-kuritur tal-Qorti u mmanetjawh. Huwa reġa’ ddaħħal lura fl-awla fejn talab skuża ta’ dak li kien għamel. 

    Minħabba l-aġir tiegħu ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest, bil-Maġistrat Yana Micallef Stafrace tordna biex ir-raġel ikun eżaminat minn psikjatra.

    L-imputat kien assistit mill-Avukat tal-għajnuna legali Chris Chircop.