Il-voluntiera tal-Fondazzjoni HSBC Malta jsebbħu ż-żona tat-Torri l-Abjad

    Tletin voluntier mill-Fondazzjoni HSBC Malta taw sehemhom biex tissebbaħ iż-żonatat-Torri l-Abjad billi ħawlu siġar fl-akwati tat-torri. Il-Fondazzjoni, li qed tgħin lil Din l-Art Ħelwa terġa’ tirrestawra u tirriabilita l-kumpless storiku, dan l-aħħar laqgħet grupp ta' 30 impjegat mill-HSBC biex iħawlu 35 siġra tal-ispeċi Tamarisk Afrikana f'Daħlet ix-Xmajjar li tinsab viċin it-Torri.

    Dawn is-siġar jagħmlu tajjeb għal 35 oħra li kellhom jinqalgħu biex ikun żgumbrat is-sit ta’ madwar it-Torri. Ir-regoli tal-ERA jgħidu li, jekk numru ta’ siġar jitneħħew minn sit, għandu jitħawwel l-istess numru ta’ siġar biex jagħmlu tajjeb għal dak li kien hemm qabel. L-attività saret taħt il-gwida esperta tal-gwardjani Foresta 2000 mir-Riserva Naturali tal-Għadira.

    F'Awissu li għadda, il-Fondazzjoni HSBC Malta daħlet fi sħubija ta’ tliet snin ma' Din l-Art Ħelwa biex terġa’ tagħti l-ħajja lil dan it-Torri ikoniku, kif ukoll lill-fortifikazzjoni li tinsab aktar il barra minnu.

    It-Torri l-Abjad qed ikun riabilitat bħala parti minn proġett imqassam f’għadd ta’ fażijiet u li liema proġett jinkludi l-fortifikazzjoni bil-batterija tal-artillerija u l-foss. Il-proġett jinkludi ukoll it-tlestija ta’ dormitorji u faċilitajiet oħra, kif ukoll ċentru tal-viżitaturi u servizzi  edukattivi.  Oriġinarjament it-torri nbena fl-1658 u kien modifikat fl-istess perjodu tal-Kavallieri, madwar l-1716.

    “Hemm xjenza li turi li t-tħawwil ta’ siġar fil-komunitajiet jħalli impatt pożittiv fuq ix-xenarju, l-ambjent u s-saħħa. Kien tajjeb li tara lill-kollegi jxammru  il-kmiem, lesti biex iħawlu dawn is-siġar meta t-temp ma kienx daqstant favorevoli għalina. Kuntenti li qed nappoġġjaw din l-inizjattiva importanti fil-komunità bħala parti mis-sħubija tagħna ma’ Din l-Art Ħelwa,” qalet Astrid Micallef-Saliba, maniġer għas-Sostenibbiltà Korporattiva mal-Bank HSBC Malta.

    Il-viżitaturi kellhom ukoll l-opportunità li jduru mas-sit fejn raw il-progress li qed isir fuq il-proġett ta’ rijabilitazzjoni. It-tour kien immexxi mill-amministratur tas-sit ta’ Din l-Art Ħelwa Martin Vella filwaqt li l-president eżekuttiv tal-NGO, Maria Grazia Cassar, irringrazzjat lill-parteċipanti kollha.